Kummissjoni Żgħażagħ

Eżatt kif għaddiet il-festa tal-2015, il-Kummissjoni Żgħażagħ tefgħet il-mira tagħha fuq il-festa ta’ din is-sena. Festa importanti, fejn fiha ser jiġi ċċelebrat bil-kbir il-25 sena Anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-Kummissjoni.

Dawn l-aħħar 25 sena kienu triq twila ta’ tlajja’ u nżul imma l-qalb kbira ta’ dawn iż-żgħażagħ baqgħet tippompja enerġija liema bħalha biex ikomplu jferrħu lill-Ġużeppini Żebbuġin matul il-ġimgħa tal-festa f’Lulju kif ukoll fl-attivitajiet li jorganizzaw matul is-sena.

Għalkemm il-Kummissjoni Żgħażagħ iffaċċjat problemi finanzjarji tul iż-żmien, kienet dejjem minn ta’ quddiem biex tagħti l-għotja tagħha b’riżq il-festa ta’ San Ġużepp. Ta’ kull sena tippreżenta ċekk b’somma sostanzjali lill-Kumitat tas-Soċjetà, li l-fondi tiegħu jintużaw biex jiġu organizzati attivitajiet fil-ġimgħa tal-festa.

Fl-2010 l-Kummissjoni qamet sew fuq saqajha u ħadmet bla heda biex, għall-anniversarju tal-150 sena mit-twaqqif tal-Banda De Rohan – L-Ewwel Banda f’Malta, tellgħet tperper għall-ewwel darba bandiera ġdida mal-arblu tas-sede tas-Soċjetà.

Il-ħidma ma waqfitx hemm. Fl-2011 il-Kummissjoni tat is-sehem tagħha biex ikompli jiġi restawrat is-sett uniku tal-pilandri, magħruf aħjar bħala tad-dniefel. Inħarġu sett bnadar ġodda għal mal-arbli tar-roundabouts. Ġie ddisinjat logo biex jiddistingwi din il-kummissjoni minn kummissjonijiet oħrajn u fl-aħħar u mhux l-inqas kienet strumentali bis-sehem tagħha f’ġita organizzata mill-Kunsill Lokali għall-Karnival ta’ Acireale fi Sqallija, fejn akkumpanjat lill-Banda De Rohan li telgħet tagħti s-servizz tagħha flimkien maż-żewġ soċjetajiet l-oħrajn Żebbuġin.

Fis-sena 2012 dan il-grupp ta’ Żgħażagħ daħal għal proġett biex jinawgura l-ewwel sorpriża tas-Soċjetà għal waqt il-marċi. Ġiet inawgurata imrewħa kbira li mliet il-misraħ bi ġmiel liema bħalu.

Fl-2013 din il-Kummissjoni ma ħarsitx lura u għamlet l-Itwal Arblu f’ post prominenti f’Ħaż-Żebbuġ. It-triq ma kinitx xi waħda faċli u nstabu diversi ostakli imma bl-għajnuna ta’ diversi nies, mhux talli sar l-arblu imma saru wkoll bandiera u fustun li jikkumplimentaw id-daqs tiegħu. Ta’ min insemmu li dan l-arblu ġie ċċertifikat mill-Malta Records bħala l-itwal arblu mingħajr ventijiet f’Malta. B’hekk is-Soċjetà tagħna kienet l-ewwel waħda f’Ħaż-Żebbuġ li kellha unur ta’ din ix-xorta.

Is-sentejn ta’ wara reġgħu kienu snin diffiċli għall-Kummissjoni Żgħażagħ. Dan għaliex ħafna mill-membri tagħha ma setgħux ikomplu bil-ħidma tagħhom fi ħdanha. Madanakollu, il-ħidma xorta waħda ma waqfitx għal kollox. Il-ftit membri li kien baqa’ baqgħu jorganizzaw l-attivitajiet biex fl-aħħar mill-aħħar xtraw sistema tas-sound biex tintuża għal waqt l-attivitajiet tal-festa.

Din is-sena għalkemm xorta b’numru limitat ta’ membri qed taħdem bis-sħiħ biex tiċċelebra l-25 Anniversarju tagħħa. Il-festa tal-2016 ser tkun waħda li tibqa’ mfakkra għall-ideat innovattivi li ħarġu mill-imħuħ ta’ dawn iż-żgħażagħ. Għalhekk nistednukom minn issa biex tattendu għall-programm varjat li qed jiġi mħejji għall-ġimgħa tal-festa.

Viva l-Patrun Universali – Il-Kbir San Ġużepp

Email this to someoneTweet about this on TwitterShare on Google+0Share on Facebook74