Kummissjoni Nar

Sena Oħra ta’ Ħidma

Xi ħaġa sinonima mal-festa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ hija l-arti tal-piroteknika jew aħjar kif nafuh aħna l-logħob tan-nar. Il-festa ta’ San Ġużepp kienet minn żmien ilu, u għadha magħrufa għall-ispettakli tan-nar tal-art u tal-ajru li jingħataw matul il-jiem tal-festa. Dan huwa wieħed mill-attrazzjonijiet popolari fil-festa tagħna. Il-logħob tan-nar huwa element importanti ta’ kull festa u matul is-snin infirex ħafna fl-irħula u l-ibliet Maltin u kiber fil-kwantità u kwalità.

Id-dilettanti tal-logħob tan-nar tas-Soċjetà tagħna bħas-soltu jagħmlu sagrifiċċji kbar biex iħejju programm ta’ xogħol pirotekniku biex ipaxxu lil kull min jarah. Dan ma jistax ikun possibbli li kieku ma tkunx id-dedikazzjoni u l-bżulija tagħhom. Dejjem f’periklu kontinwu għal saħħithom u ħajjithom. Għalhekk ma tistax ma taprezzax ħidmiet dawn in-nies, aktar u aktar meta wieħed jikkonsidra l-ħinijiet twal li jqattgħu tul is-sena kollha fil-kamra tan-nar biex iħejju n-nar kollu għal matul il-jiem tal-festa.

Id-determinazzjoni u r-rieda li għandhom id-dilettanti tal-logħob tan-nar tagħna tgħaġġbek għall-fatt li għal dawn in-nies matul is-sena kollha m’hemmx serħan, dejjem fi ġlieda kontra l-ħin biex ilestu dak kollu li jkun ipprogrammat. Dan ma tistax ma tapprezzahx. Ma tistax timmaġina l-ħinijiet twal li jqattgħu tul is-sena kollha fil-kamra tan-nar u f’ diversi postijiet oħra, wara ġurnata xogħol jippreparaw ix-xogħol tal-brim u dak kollu li għandu x’jaqsam miegħu.

Minn Ottubru tas-sena 2014, il-persuna li tmexxi l-kamra tan-nar inbidlet u għalhekk bħala licencee tal-post tan-nar ġie maħtur Mario Attard. Persuna abbli, kapaċi u ddixxiplinat fix-xogħol tal-logħob tan-nar. Flimkien mal-Kumitat Eżekuttiv ġie maqbul li l-prijorità hi s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull persuna li tinżel il-post tan-nar u li kull wieħed jifhem li jrid jimxi mar-regolamenti kollha. Ġie mfassal programm għall-festa bi ftehim bejn il-partijiet kollha tas-Soċjetà li jemfasizza li kullħadd irid iżomm f’ moħħu s-sitwazzjoni finanzjarja tas-Soċjetà u n-numru ta’ nies li huma liċenzjati biex jaħdmu n-nar. Għalkemm tista’ tgħid li s-Soċjetà tagħna għandha l-piż finanzjarju tal-festa kollha, l-akbar problema f’dan il-qasam hija l-finanzi għax-xogħol tan-nar. Hawn ta’ min jirringrazzja lil dawn l-istess dilettanti tal-logħob tan-nar li barra l-ħinijiet twal li jagħmlu fil-post tan-nar huma wkoll l-istess nies li jiffinanzjaw parti mix-xogħol li jaħdmu. Bil-limitazzjonijiet tagħna nagħmlu dak li dejjem għamilna, dak li naħdmu għall-festa ta’ San Ġużepp

Għall-festa ta’ din is-sena hemm programm ta’ nar tal-ajru mħejji sew u jinkludi diversi xogħol varjat. Jekk kollox imur sewwa, allura kemm id-dilettanti tal-logħob tan-nar tagħna kif ukoll dawk li jsegwu l-logħob tan-nar se jieħdu sodisfazzjon. J’Alla ħidmiethom tferraħ lilhom u lil dawk li jħobbu l-festi tradizzjonali ta’ pajjiżna.

Qabel nagħlaq nixtieq nagħmel referenza għal numru sabiħ ta’ żgħażagħ li jieħdu ħsieb jaħdmu n-nar tal-art. Dawn dejjem għaddejjin iħejju l-qafas tal-ħadid u l-mekkaniżmu ta’ miegħu għan-nar tal-art ta’ lejliet il-festa. Tieħu pjaċir tara numru hekk sabiħ ta’ żgħażagħ li wara ġurnata xogħol normali tagħhom u kull ħin ieħor liberu li jkollhom bħal ġurnata tas-Sibt jew Ħadd tarahom dejjem għaddejjin. Min ifassal, iqatta’ l-ħadid, jiwweldja u jagħmel dak kollu li tista’ timmaġina biex kemm jista’ jkun dejjem ikunu oriġinali fid-disinni u l-movimenti tax-xogħol tagħhom. Ringrazzjament speċjali jmur għal dawn iż-żgħażagħ li jħallsu l-ispejjeż kollha minn buthom konnessi ma’ dan ix-xogħol.

Bl-entużjażmu ta’ dawn iż-żgħażagħ għad-disa’ sena konsekuttiva l-Kumpless Kamra tan-Nar San Ġużepp ipparteċipa fil-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana. Il-Kamra tan-Nar San Ġużepp hija l-unika kamra li pparteċipat fl-edizzjonijiet kollha ta’ dan il-Festival Nazzjoanli. Parteċipazzjoni oħra kienet fil-Festival tan-Nar tal-ajru u tal-art li ġie organizzat mir-Reġjun tan-Nofsinhar fis-Siġġiewi nhar is-Sibt 21 ta’ Marzu.

Il-Kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan, f’ismu u f’isem il-membri tas-Soċjetà jirringrazzja lid-dilettanti tal-logħob tan-nar tagħna għal ħidmiethom filwaqt li jawguralhom kull suċċess fix-xogħol tan-nar tagħhom biex ikollhom is-sodisfazzjon mixtieq.

Nitolbu lil Alla, lill-Madonna u lill-Patrun Protettur tagħna San Ġużepp iżommu jdejhom fuq il-pirotekniċi ta’ Malta u Għawdex kollha. Kompli ħarisna mis-sema.

Email this to someoneTweet about this on TwitterShare on Google+0Share on Facebook228