Kummissjoni Banda

Wara li għaddiet il-festa tal-2014, inħasset il-ħtieġa li fi ħdan is-Soċjetà titwaqqaf Kummissjoni biex tieħu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Banda De Rohan, OMM IL-BANED MALTIN.

Kummissjoni Banda

Grupp żgħir ta’ membri avviċinaw lill-Kumitat fejn ressqu l-proposti tagħhom u dawn ġew aċċettati mill-Kumitat mill-ewwel. Għalhekk il-Kummissjoni mill-ewwel middet idejha għax-xogħol. Wara li saret evalwazzjoni tal-festa li kienet għadha kif għaddiet, ġew elenkati diversi punti ta’ ħidma li kien hemm bżonn issir. Prijorità kienet li tingħata attenzjoni lit-tagħlim tal-mużika. Għalhekk ġew avviċinati ż-żewġ assistenti surmastrijiet li jieħdu ħsieb it-tagħlim tal-mużika, fejn ġie spjegat lilhom dak kollu li kien hemm bżonn li jsir. Wara, il-Kummissjoni bdiet bix-xogħol li jirrigwardja l-bandisti li jiġu jdoqqu fis-servizzi li jkollha l-banda tagħna. Dan minħabba li nħasset il-ħtieġa li min idoqq mal-Banda De Rohan, ikun denju li jdoqq ma’ din il-banda. Bdew il-kuntatti ma’ diversi bandisti, xogħol li nistgħu ngħidu ma kien xejn faċli minħabba diversi raġunijiet. Però r-riżultat beda ġej bil-mod il-mod u nistgħu ngħidu li għalkemm baqa’ xi xogħol ta’ kuntatti li għad irid isir, il-bandisti li llum qegħdin jiffurmaw il-Banda tagħna, huma bandisti li jixirqu lill-isem il-Banda De Rohan.

Nistgħu ngħidu li din il-ħidma ħadet kważi sena sħiħa, u issa li waslet fi tmiemha l-Kummissjoni se tintefa’ bi ħġarha għal xogħol metikoluż fuq l-arkivju tagħna li hu mogħni b’mużika unika minn għadd ta’ kompożituri u surmastrijiet. Dan ix-xogħol għandu jieħu numru ta’ ġimgħat fejn wara mbagħad jibda xogħol ieħor fuq il-libretti tal-marċi li jintużaw fis-servizzi tal-banda.

Infakkru lill-ġenituri li jekk hemm xi tfal li huma interessati li jibdew jitgħallmu l-mużika, is-Soċjetà tagħna toffri dan it-tagħlim b’xejn u anke aktar tard, tipprovdi lill-allievi l-istrument tal-mużika wkoll. Kull min hu interessat, inħeġġukom tikkuntattjawna.

Viva San Ġużepp u Viva l-Banda De Rohan – OMM IL-BANED MALTIN