Fratellanza Ġużeppina f’Ħaż-Żebbuġ

Il-qima lejn San Ġużepp kienet ilha mwaqqfa fil-Belt Rohan – Ħaż-Żebbuġ, imma bla dubju din il-qima tkabbret fost il-poplu Żebbuġi bit-twaqqif ta’ Fratellanza f’ġieħ San Ġużepp.

Din il-Fratellanza twaqqfet ġewwa Ħaż-Żebbuġ bil-ħidma ta’ wieħed mastrudaxxa billi fir-raħal kien hemm bosta li jaħdmu f’din is-sengħa fis-seklu XVIII. Kien Ġużeppi Zammit li għamel talba lill-Kappillan biex fuq artal li kien hemm fil-Parroċċa ta’ San Filep, titwaqqaf għaqda bħala Fratellanza li tkun tista’ mhux biss tieħu ħsieb l-artal u l-kappella, imma wkoll li xxerred il-qima lejn dan il-Qaddis Għarus Kastissmu tal-Beata Verġni Marija li ġabet fid-dinja l-IBEN t’Alla.

Il-Kappillan ta’ dak iż-żmien Dun Giovanni Battista Sagnani allura ressaq it-talba ta’ dan Zammit u żied jitlob biex din il-Fratellanza titwaqqaf f’din il-parroċċa u li tkun tgawdi l-istess privileġġi u lbies bħall-fratelli ta’ San Ġużepp fil-Fratellanza tal-Belt u bnadi oħra. Il-Kappillan ressaq din it-talba fit-12 ta’ Ġunju 1739 u ġab l-approvazzjoni tal-Isqof fid-29 ta’ Jannar 1740.

Artiklu li deher fir-Rivista Annwali tas-sena 2014
Kitba ta’ Lorenzo Zahra