Storja

L-istoriku Pietru Pawl Castagna fl-istorja tiegħu ta’ Malta ppubblikata fl-1888 kiteb hekk: “L-ewwel Banda Nazzjonali saret f’Ħaż-Żebbuġ mit-tant imsemmi Mastru Indrì Borg fl-1860. Dan kien il-bidu ta’ kemm baned saru u li għad isiru.” L-istess kiteb ir-Reverendu Dun Salv Ciappara fil-ktieb tiegħu Storia del Zebbug e Sua Parrochia, pubblikat fl-1882. Kiteb li fl-1860 Ħaż-Żebbuġ ra l-bidu ta’ l-ewwel banda f’Malta.

 

Għall-bidu l-baned kienu jkunu magħrufa l-aktar bl-isem ta’ raħalhom, u fil-każ tagħna mhux xi eċċezzjoni. Kienet magħrufa bħala Societa Filarmonica del Zebbug (1).

F’dawn l-ewwel snin tal-ħajja tagħha l-Banda Rohan ġibdet l-ammirazzjoni tal-poplu Żebbuġi. F’dawk iż-żminijiet il-Banda Rohan kienet tieħu sehem f’diversi festi fir-raħal, fosthom fil-festa titulari ta’ San Filep (2) u fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. L-ammiraturi tal-Banda ddeċidew li jagħmlu palk biex il-Banda tkun tista’ ddoqq fuqu fil-festi titulari tal-Belt Rohan. Il-palk sar u ġie mżejjen bl-armi tal-Granmastru De Rohan li tiegħu l-Banda u Ħaż-Żebbuġ iġibu ismu. Saret ukoll statwa ta’ l-istess Granmastru De Rohan li tpoġġiet f’post prominenti tal-palk.

L-Istatwa ta' San Ġużepp, xogħol Ġlormu Darmanin.Fl-1870, sewwa sew meta l-Papa Piju IX pproklama lil San Ġużepp Patrun Universali tal-Knisja, saret l-istatwa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ, xogħol ta’ Ġlormu Darmanin. Il-Banda Rohan ġiet mistiedna mill-Fratellanza ta’ San Ġużepp sabiex tieħu sehem fil-festa tal-Patroċinju tal-Qaddis – ħaġa li għadha ssir sal-lum.

Sa l-1910 il-Banda Rohan għarfet iżżomm ruħha indipendenti. Ma kellha x’taqsam ma’ ebda soċjetà oħra. Kellha l-post tagħha fejn tħarreġ l-allievi u wkoll fejn tikkunċerta għall-programmi li kien ikollha matul is-sena (3).

Dan il-post għadu magħruf sal-lum bħala ‘L-Iskola’ u jinsab fi Triq l-Isqof. Interessanti hu li dan il-post għadu sal-lum jintuża mis-Soċjetà tagħna biex fih jinżamm l-armar tal-festa ta’ San Ġużepp.

 

Il-Banda Rohan damet tieħu sehem fil-festa ta’ San Filep sal-1904, meta jidher li qamet il-kwistjoni tal-Mużika Sagra fil-knisja. Dak iż-żmien iż-żewġ Maestri di Cappella prinċipali f’Malta kienu Mro. Bugeja u Mro. Nani (4). Meta waslet il-Festa titulari ta’ San Filep ġara li kien hemm min ried jibqa jżomm lil Mro. Buġeja bil-mużika tiegħu u min ried jibdel u jġib lil Mro. Nani. Kien ġie deċiż li għall-festa ta’ San Filep kellu jibqa’ jagħmel il-mużika Mro. Bugeja.

Id-diriġenti tal-Banda Rohan ma qablux ma’ dan u għalhekk irrifjutaw li jibqgħu jieħdu sehem fil-festa titulari, kif kienet ilha tagħmel sa mit-twaqqif tagħha fl-1860. Dan kien il-każ ukoll li tilfu d-dritt tal-palk tal-Banda, għaliex waqa’ f’idejn l-awtoritajiet tal-Knisja Parrokkjali, u aktar tard l-istatwa tal-Grand Mastru De Rohan li kienet iżżejjen dan il-palk ġiet mibdula ma’ oħra ta’ Vilhena.

Imma dawk li riedu lil Mro. Nani ma ħallewx li din il-kwistjoni tgħaddi. Għalhekk stiednu lil dan is-surmast biex jiġi jdoqq fil-festa ta’ San Ġużepp, li sa l-1904 kienet tiġi ċċelebrata fil-parroċċa tagħna fl-aħħar Ħadd ta’ April (5), u ġieli anke fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju (6).

Il-Kumitat tal-Banda Rohan ħass li l-festa ta’ San Ġużepp kienet wisq qrib il-festa ta’ San Filep. Ħaseb u ħadem sabiex jittrasferixxi l-festa ta’ San Ġużepp għal ġurnata aktar lura. Dan il-ħsieb irnexxielhom iwettquh u mill-1905 il-festa ta’ San Ġużepp ġiet stabbilita għall-aħħar Ħadd ta’ Lulju (7). Dan seta’ jkun possibbli b’reskritt li għoġbu jagħti l-Papa Piju X (8). Hawn ta’ min wieħed jinnota li l-festa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ hija l-unika festa sekondarja f’Malta li tiġi ċċelebrata wara dik titulari.

Minn din il-kwistjoni tal-Mużika Sagra s-Soċjetà tagħna Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ħadet il-laqam ta’ l-Ajkla. Dan ġara peress li l-laqmijiet Ta’ l-Ajkla u Ta’ l-Istilla kellhom konnessjonijiet ma’ Nani u Buġeja (9). Illum id-disinji tal-laqmijiet narawhom jispikkaw fl-armi tal-baned u fit-tiżjin tal-festi rispettivi.

Fl-1910, fuq inizjattiva tan-Nobbli Antonio Zammit Gauci, li kien il-President tas-Societa Filarmonica Rohan (10) kif ukoll il-Prokuratur tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp (11) twaqqaf ic-Circolo San Giuseppe.

L-Istatwa magħrufa bħala tal-"erba' partijiet tad-dinja"

Is-Societa Filarmonica Rohan u ċ-Circolo San Giuseppe ngħaqdu uffiċjalment b’kuntratt nhar l-1 ta’ Novembru 1910. Il-President, kif kien xieraq, kien Antonio Zammit Gauci. Din l-ghaqda setgħet tkun possibbli peress li l-parti l-kbira tal-membri taż-żewġ kumitati kienu fil-kumitat taż-żewġ istituzzjonijiet. Minn dak in-nhar ‘il quddiem is-Soċjetà bdiet iġġib l-isem Circolo San Giuseppe e Filarmonica Rohan (12).

Minkejja d-diffikultajiet kbar li l-kumitat kien jiltaqa’  magħhom minn naħa ta’ għadd kbir ta’ saċerdoti Żebbuġin, minn sena għal oħra kompla jiżdied l-armar ta’ barra u l-armar għal ġewwa l-knisja (13). Il-festa ta’ San Ġużepp ġiet stabbilita bħala waħda mill-aqwa ta’ pajjiżna (14). Fil-bidu tas-Snin Tletin kienet fl-aqwa tagħha, imma fl-1935 ħadet l-ewwel daqqa bil-Konċilju Reġjonali, u dak li ma kienx irnexxielu jagħmel parti kbira mill-kleru żebbugi ta’ dak iż-żmien ġie mpost mill-Konċilju Reġjonali.

Skond studju li għamel Dun Ġużepp Farrugia fit-teżi tiegħu Il-Konflitt tal-Partiti tal-Festi Sekondarji u l-Knisja Maltija, kiteb li sal-Konċilju Reġjonali ta’ l-1935 il-partit (Soċjetà) ta’ San Ġużepp f’Haż-Żebbuġ kompla jikber tant li waslu li fil-festa tagħhom jarmaw daqs, jekk mhux iżjed mill-festa titulari. Dan kollu ġie fit-tmiem tiegħu mal-Konċilju Reġjonali ta’ l-1935, li impona restrizzjonijiet ħorox fuq il-Festi Sekondarji.

Il-kumitati kellhom jobdu r-regolamenti ġodda, mhux għaliex dawn qablu magħhom, iżda għax il-Knisja kellha f’idejha s-saħħa u l-influwenza. Dawn ir-restrizzjonijiet taw daqqa ‘l isfel lill-festa ta’ San Ġużepp, sakemm f’Mejju ta’ l-1975 l-Awtoritajiet Ċivili neħħew ir-restrizzjonijiet minn fuq il-Festi Sekonarji, f’dak li jirrigwarda festi ta’ barra, u ħadu f’idejhom il-ħruġ ta’ permessi għall-armar, baned, nar u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-festi u l-attivitajiet li jsiru fit-toroq.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-festi li jsiru fil-knisja. Ir-restrizzjonijiet fuq it-tiżjin u fuq il-funzjonijiet għadhom fis-seħħ. Huwa għalhekk li llum is-Soċjetà tagħna għandha għalfejn tirringrazzja lil Dun Ġużepp Bonanno, Prokuratur tal-Festa ta’ San Ġużepp bejn l-1916 u l-1943, li għamel minn kollox sabiex il-knisja parrokkjali tar-raħal ma jkun jonqosha xejn fil-Festa ta’ San Ġużepp. Mertu wkoll lil Dun Albert Dalli, Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ bejn 1904 sal-1918.

Mit-twaqqif tagħha sal-lum il-Banda de Rohan rat 19-il Surmast Direttur, tnejn minnhom Taljani. Gaetano Emm. Calì u Antonio Ruto. Minn idejn Indrì Borg fl-1872 (15) il-Banda għaddiet f’idejn Mro. Molinari. Warajh fl-1875 insibu l-ewwel Surmast Direttur Zebbuġi, M’Ang Galea, wieħed minn ulied il-Banda. Mro. Galea kien klarinett prim mal-Banda Rohan. Dam jidderieġi l-Banda sal-1880.

Bejn l-1880 u l-1892 (16) id-direzzjoni tal-Banda kienet fdata f’idejn M’Anġ Debono. Il-ħames Surmast Direttur kien Żebbuġi ieħor, Mro. Lorenzo Gatt, li dam fit-tmexxija tal-Banda Rohan għal tmien snin,sa l-1900 (17). Fi żmienu, skond ġurnal ta’ dak iż-żmien, insibu li l-Banda Rohan kienet waħda mill-iktar baned li daqqew fil-pubbliku(18).

Meta Mro. Gatt, kontra qalbu kellu jħalli d-direzzjoni tal-Banda, din għaddiet f’idejn Mro.Vincenzo Carabott, Surmast ta’ fama kbira. Fi żmienu, bħala Surmast Direttur tal-Banda De Rohan ta’ min isemmi l-funeral kbir tal-President Onorarju tas-Societa Filarmonica Rohan, Mro. Filippu Galea. Il-funeral tiegħu ġie akkumpanjat b’marċi funebri, kif kien xieraq, mill-banda ewlenija ta’ Citta Rohan il-Banda Rohan (19).

Orlando Crescimanno - 1902-1906Bejn l-1903 u l-1906 kellna lil Mro. Orlando Crescimanno, wieħed mill-aqwa surmastrijiet ta’ dak iż-żmien. Kien jagħmel kunċerti wieħed fl-ieħor, programmi fuq programmi. Il-Banda bdiet tiġi mistiedna kważi fil-festi prinċipali kollha. Mro. Crescimanno jibqa’ msemmi għall-innu l-kbir li kkompona, Inno a San Giuseppe, xogħol vokali u strumentali tassew sabiħ! Innu li għadu jindaqq sal-lum fl-aħħar ta’ kull programm mużikali li tesegwixxi l-Banda Rohan.

Kien żmien ukoll meta l-Kumitat tas-Soċjeta Filarmonica Rohan immexxi mill-President il-Perit Pawlu Cassar Torreggiani, beda jaħseb biex il-bandisti jkollhom uniformi – waħda bajda li kienet tintuża għall-ġranet tas-sajf u l-oħra ta’ lewn ikħal li kienet tintuża fix-xitwa.

Wara Crescimanno ssejjaħ bħala Surmast Direttur it-Taljan Gaetano Emmanuele Calì, li dam fil-kariga sa Frar ta’ l-1914. Warajh il-Banda kienet taħt id-direzzjoni ta’ Surmast Direttur Taljan ieħor, Mro. Antonio Ruto. Ruto ma damx wisq peress li kienet faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Kien laħaq għamel biss xi kunċerti u programm.

L-għaxar Surmast Direttur tal-banda Rohan kien Pacifico Scicluna. Matul iż-żmien tiegħu kien għamel xi żmien indispost u għalhekk ma setax jagħti l-kontribut tiegħu kollu lill-Banda, barra wkoll li kellu xi baned oħra taħt id-direzzjoni tiegħu. B’xorti tajba dik il-ħabta bħala Assistent Surmast il-Banda kellha liż-żagħżugħ Giuseppe Busuttil (20) li kemm-il darba ħa t-tmexxija tal-Banda f’idejh.

Fl-1920 il-Kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ta t-tmexxija tal-Banda f’idejn Mro. Giuseppe Busuttil wara l-esperjenza li kien ħa bħala Assistent Surmast. L-ammiraturi tal-Banda ħarsu lejh b’fiduċja u raw fih il-bniedem li kellu tant jirsisti, jissagrifika ruħu u jpoġġi f’post għoli l-isem tal-Banda De Rohan. Biżżejjed insemmu l-programm esegwit fi Pjazza Reġina, il-Belt, fl-1924 fl-okkażjoni ta’ għeluq il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda La Valette. Programm ieħor kbir kien sar ġewwa Haż-Żebbuġ fis-6 ta’ Marzu, 1921, meta l-Banda De Rohan fakkret il-61 sena mit-twaqqif tagħha (21). Kien ukoll bis-saħħa ta’ dan l-istess Surmast li l-Banda ġiet regalata sett qniepen tubulari fl-1923 mill-ammiraturi tagħha (22).

Dak iż-żmien kien żmien tad-deheb għall-banda u l-ammiraturi tagħha kienu jmorru kull fejn tmur il-Banda u jqattgħu madwar tliet siegħat jisimgħu b’attenzjoni kbira lill-Banda tesegwixxi l-programm mużikali. Kien f’dak iż-żmien ukoll meta fi ħdan is-Soċjetà Circolo San Giuseppe e Filarmonica Rohan twaqqfet is-Soċjetà Mutuo Soccorso (23A): soċjetà mwaqqfa biex tgħin lill-membri u lill-bandisti fil-bżonnijiet tagħhom.

F’Ġunju ta’ l-1926 id-direzzjoni tal-Banda ngħatat f’idejn Mro. Vincenzo Ciappara. Surmast li baqa’ magħruf għad-direzzjoni tal-baned, kif ukoll għall-istrumentazzjoni ta’ kompożizzjonijiet ta’ diversi kompożituri għall-orkestra. Fuq kollox kien magħruf bħala r-Re tal-Marċi Maltin (23).

Wara Mro. Vincenzo Ciappara, f’Jannar ta’ l-1930 il-Banda De Rohan għaddiet f’idejn Mro. Mikiel Gatt, iben familja ta’ nisel il-mużiċisti li għamlu ġieh lil Malta u fuq kollox lil raħal twelidu, Ħaż-Żebbuġ. Kien kurunettist prim ma’ diversi baned. Ta’ min isemmi li Mro. Mikiel Gatt kien in-neputi ta’ Mro. Lorenzo Gatt.

Bejn April ta’ l-1932 u Awwissu ta’ l-istess sena nsibu d-direzzjoni tal-Banda De Rohan f’idejn Mro. Willie Attard. Fl-istess sena ż-żagħżugħ Ġeraldu Farrugia ġie magħżul biex Ġeraldu Farruġia - 1932-1970ikun il-15-il Surmast Direttur ta’ din il-Banda. Farrugia, iben il-Banda De Rohan, kien għad kellu 23 sena meta dderieġa l-ewwel programm tiegħu (24). Kien sar ir-Rabat. Il-Banda De Rohan damet taħt id-direzzjoni tiegħu għal 38 sena. Tul dan iż-żmien il-Banda De Rohan fakkret diversi okkażjonijiet speċjali, fosthom fl-1938 meta tfakkar it-78 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Kien attenda l-Lieut. Governor Adams Hunter li ppreżenta lill-Banda bandalora l-ġmiel tagħha bl-arma ta’ De Rohan (25).

Il-Banda De Rohan kellha wkoll ix-xorti tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’ġieħ iż-żjara f’Malta tar-Reġina Eliżabetta kif ukoll qabel fil-festi li kienu saru f’għeluq is-60 sena mill-Inkurunazzjoni tar-Reġina Vittorja. Fl-1964 ħadet sehem fil-festi ta’ Malta Indipendenti.

Is-Surmast Ġeraldu Farrugia fuq kollox kellu x-xorti li fl-1960, flimkien mal-Kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan jiċċelebra l-Ewwel Ċentinarju tal-Banda De Rohan, l-ewwel ċentinarju li qatt ġie ċċelebrat ġo pajjiżna minn banda. Mro. Ġeraldu Farrugia jibqa’ magħruf għal diversi marċi li kiteb għall-Banda De Rohan, fosthom Lil Indri Borg – Missier il-Banda De Rohan u Ave Josef.

Fl-1970 Mro. Farrugia kellu kontra qalbu jħalli d-direzzjoni tal-Banda De Rohan. Ġie segwit minn Mro. Henry Camilleri, li wkoll kien bandist mal-Banda De Rohan. Mro. Camilleri dam jidderieġi sa l-1976. Warajh insibu lil Mro. Frank Galea li wkoll kien wieħed minn ulied is-Soċjetà tagħna. Dawn iż-żewġ Surmastrijiet komplew fejn ħallew ta’ qabilhom fil-qasam tal-mużika.

Fl-1978 id-direzzjoni tal-Banda tħalliet f’idejn is-Surmast Lawrence Borg. Taħt id-direzzjoni ta’ dan is-surmast il-Banda De Rohan għamlet progress kbir. Fl-1981 il-Banda De Rohan esegwiet Programm Strumentali fl-Istitut Kattoliku f’isem il-Malta Band Clubs Association taħt il-patroċinju tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura. Fi żmien Mro. Borg, fl-1985 il-Banda ċċelebrat il-125 sena mit-twaqqif tagħha u kienu saru festi kbar. Mro. Borg dam jidderieġi lill-Banda De Rohan sa l-1990.

Fil-preżent il-Banda tinsab taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Ronnie Debattista. Fl-1993 il-Banda De Rohan, rebħet l-ewwel post minn fost diversi baned Maltin fil-Konkors Nazzjonali tal-Baned Malti li sar fit-Teatru Manoel. Unur prestiġġjuż li għamel unur u ġieh lil Banda u lil Ħaż-Żebbuġ. F’Novembru tas-sena ta’ wara fl-1994 il-Banda De Rohan ġiet mistiedna biex tipparteċipa fil-Malta International Brass & Woodwind Festival. Programm ieħor memorabbli taħt id-direzzjoni tas-Surmast Debattista kien sar fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ f’Lulju tal-1995, meta ġie mfakkar il-125 sena mill-miġja ta’ l-istatwa ta’ San Ġużepp fostna ż-Żebbuġin, u fl-istess waqt il-125 sena minn meta San Ġużepp ġie pprokklamat Patrun tal-Knisja Universali.

Okkażjoni oħra speċjali kienet fis-sena 2000 meta l-Banda De Rohan iċċelebrat il-140 sena mit-twaqqif tagħha bħala l-Ewwel Banda f’Malta bi programm vokali u strumentali taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta L-E.T. l-Professur Guido de Marco. Il-kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan kien iddeċieda li biex dan l-avveniment tant importanti u storiku jibqa’ mfakkar tiżżanżan bandalora tal-Banda ġdida. Fl-arkivju tas-Soċjetà nsibu għadd ta’ xogħlijiet ta’ diversi surmastrijiet. Dawn jinkludu marċi brijużi, marċi funebri u kompożizzjonijiet oħra.

Illum is-Soċjetà Każin San Gużepp u Banda De Rohan, wara ħajja ta’ tant snin ta’ ħidma, għadha miexja, b’mixja soda u meta tara x-xogħol li tant ħadmu għas-Soċjetà l-membri tagħha tħossha kburija. Kburija għaliex dejjem imxew mal-motto tas-Soċjetà: AVANTI SEMPRE. (26)


Referenzi

Storja ta’ Malta ta’ P.P. Castagna

Storia del Zebbug e sua Parrocchia ta’ Dun Salv Ciappara

Kontlitt tal-Partiti tal-festi sekondarji u l-Knisja Maltija ta’ Dun Gużepp Farrugia

1 Guida Generale di Malta e Gozo – 1881 sa 1893
2 Il-Verita’ – Mejju 1894
3 Guida Generale di Malta e Gozo – 1910
4 Corriere Mercantile Maltese – 1875
5 Malta Tagħna – 23 ta’ April 1904; La, Croce di Malta – 2 ta’ Mejju 1877
6 Il-Poplu Malti – 28 ta’ April 1906
? Malta Tagħna – 5 ta’ Mejju 1906
8 Poplu Malti – 28 ta’ Lulju 1906; Malta Tagħna – 28 ta’ Lulju 1906
9 Il-Berqa
10 Poplu Malti – 1 ta’ April 1911
11 Poplu Malti – 1 ta’ April 1911
12 Guida Generali di Malta e Gozo – 1920
13 Poplu Malti – 12 ta’ Awissu 1911
14 Malta Tagħna – 28 ta’ Lulju 1917 u 18 ta’ Mejju 1872
15 Corriere Mercantile Maltese
16 Guida Generale di Malta e Gozo – 1881 – 1892
17 Guida Generale de Malta e Gozo
18 Verita – 28 ta’ April 1894
19 Patria – 11 ta’ Gunja 1925
20 Malta Taghna – 28 ta’ Lulju 1917 u 22 ta’ Frar 1919
21 Ktieb ta’ Tifkira ta’ Mro. Henry Camilleri 1960
22 Malta Tagħna – 14 ta’ April 1923
23 l-orizzont – 16 ta’ Awissu 1979
23A Malta Tagħna – 25 ta’ Novembru 1922
24 Il-Poplu – 19 ta’ April 1933
25 Il-Berqa – 17 ta’ Ottubru 1938
26 Berqa / Progress 1932

Dati Importanti fl-Istorja tas-Soċjetà Tagħna

1860– Twaqqfet l-Ewwel Banda Nazzjonali f’Malta. Din twaqqfet f’Ħaż-Żebbuġ minn Mastru Indri Borg. Wara xi żmien magħrufa ‘Societa Filarmonica del Zebbug’ aktar tard Banda De Rohan.

1864– Jiżżanżan l-ewwel Palk għall-Banda De Rohan

L-Istatwa ta' San Ġużepp xogħol Ġlormu Darmanin1870– Il-Papa Piju IX pproklama lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali. Fl-istess sena tlestiet l-istatwa ta’ San Ġużepp għall-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, xogħol l-Istatwarju Ġlormu Darmanin.

1872– F’Marzu l-banda Filarmonica del Zebbug tieħu sehem f’dimostrazzjoni mill-antiformisti fil-Belt.

1893– F’Mejju tlesta u ġie mżanżan mill-Filarmonica del Zebbug il-palk tal-Banda magħruf bħala “L-Iskorfna”. Inħadem mill-imgħallem mastrudaxxa Filippu Vella u disinn tal-Perit Paolo Cassar Torregiani.

1897– F’Din is-sena f’Malta saru festi kbar fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Djamanti tar-Reġina Vittorja. Il-Banda De Rohan ħadet sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kemm fl-isfilata kif ukoll esegwiet programm mużikali fi Pjazza San Giovanni, il-Belt.

 1898– F’Jannar il-Banda De Rohan akkumpanjat lil Dun Ġużepp Bonanno (Prokuratur tal-Festa 1916-1943) mid-dar tiegħu għall-Knisja Arċipretali biex jiċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħu. Dun Ġużepp ħa l-ordinazzjoni tiegħu f’Diċembru 1897.

 1901– It-Tlieta 11 ta’ Ġunju, Il-Banda De Rohan b’daqq ta’ Marċi Funebri minn ħdejn Bieb de Rohan (De Rohan Gate) sal-Knisja akkumpanjat il-funeral tas-Surmast Filippo Galea li kien President Onorarju tal-Banda De Rohan.

 

L-Ewwel Parti tal-'Inno Per San Giuseppe' Xogħol Orlando Crescimanno

1903– Is-Surmast Orlando Crescimanno (Surmast Direttur mill-1902 sal-1906) irregala lill-Banda De Rohan l-“Inno per San Giuseppe”. Innu għall-Banda u l-kor, tenur u l-baxx. Innu famuż li għadu jindaqq sa llum.

F’din l-istess sena is-Soċjetà Filarmonica Rohan ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-Festi Ġubilari li saru f’Malta f’ġieħ il-Papa Ljun XIII. Il-Banda esegwiet Programm Mużikali fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt, fil-25 ta’ Mejju.

1904– F’din is-sena, s-Società Filarmonica Rohan kienet l-aħħar sena li ħadet sehem attiv fil-festa ta’ San Filep.

1905– Il-Festa ta’ San Ġużepp ġiet stabbilita għall-aħħar Ħadd ta’ Lulju. Dan kien possibli b’reskritt li għoġbu jagħti l-Papa Piju X. Il-Ħadd 10 ta’ Ottubru s-Società Filarmonica Rohan iċċelebrat il-festa tal-‘Otto Settembre 1565’.

1906– Il-Banda De Rohan żanżnet l-uniformi l-bajda. Din kienet tintuża għall-jiem tas-sajf. F’din is-sena saru l-erba’ anġli (puttini) bl-emblemi f’idejhom, li nsibu fuq il-bradella tal-istatwa ta’ San Ġużepp, xogħol Karlu Darmanin. L-istatwa ta’ San Ġużepp ġiet indurata għall-ewwel darba għand Giovanni Busuttil u swiet 15–il Lira.

1907– Is-Surmast Taljan Gaetano Emmanuele Cali (Surmast direttur mill-1906 sal-1914) irregala lill-Banda De Rohan “Inno a San Giuseppe” innu b’ħames vuċijiet u kompożizzjoni mużikali bl-isem ta’ ‘Rohan’.

1908– Il-Banda De Rohan żanżnet l-uniformi ta’ lewn ikħal. Din kienet tintuża mill-Bandisti fil-jiem tax-Xitwa.

1909– Matul din is-sena s-Società Filarmonica Rohan kriet post fi Strada Reale flok l-ieħor li kellha qabel.

1910– Fuq Inizjattiva tan-Nobbli Antonio Zammit, President tas-Società Filarmonica Rohan, Prokuratur tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp, twaqqaf ic-Circolo San Giuseppe. Aktar tard fl-1 ta’ Novembru tal-istess sena s-Società Filarmonica Rohan u ċ-Circolo San Giuseppe ngħaqdu uffiċjalment.

F’Diċembru ġie elett Prokuratur tal-festa Vincenzo Gioioso li jibqa’ mfakkar għar-rikors li kien għamel kontra għadd ta’ saċerdoti biex il-festa ta’ San Ġużepp tiġi ċċelebrata kif jixraq.

1913– F’April, iċ-Circolo San Giuseppe e Società Filarmonica Rohan ħadet sehem prominenti fil-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li nżamm f’Malta.

1916– F’din is-sena s-Soċjetà daħlet f’Każin ġdid li kien jinsab f’272 u 273 fi Strada Reale.

1920– Is-Soċjetà flimkien mal-Fratellanza organizzaw festi kbar ġewwa Ħaż-Żebbuġ biex jiġi mfakkar il-50 sena mill-Proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun Universali tal-Knisja.

1921– Is-Soċjetà flimkien mal-Fratellanza organizzaw festi kbar biex ifakkru il-61 sena mit-twaqqif tal-Ewwel Banda f’Malta, Il-Banda Rohan. Dak iż-żmien Circolo San Giuseppe kien magħruf bħala l-Każin tal-Ħaddiema. Fil-fatt, f’April waħda mill-ewwel konferenzi organizzati mill-Partit tal-Ħaddiema (Malta Labour Party) inżammet fil-Każin tas-Soċjetà.

1922– Fi ħdan is-Soċjetà Circolo San Giuseppe e Filarmonica Rohan twaqqfet is-Soċjetà “Mutuo Soccorso”. L-għan ewlieni ta’ din is-Soċjetà kien li jgħin lill-membri, lill-bandisti u lill-familjari tagħhom fil-bżonnijiet tagħhom.

F’dik l-istess sena tinbena l-ewwel Kamra tan-Nar tas-Soċjetà f’Wied Inċita.

1923– Jinxtraw Sett Qniepen Tubulari għall-Banda mingħand id-ditta Hawkes & Sons. Jaslu Malta f’Diċembru.

1924– Fl-20 ta’ Jannar is-Soċjetà kkommemorat l-64 anniversarju tal-Fondazzjoni tal-Banda Rohan. F’din iċ-ċerimonja kienu mistiedna diversi persuni distinti fosthom il-Gvernatur Plumer u l-Prim Ministru Buhagiar. F’din il-kommemorazzjoni żżanżnu l-Qniepen Tubulari waqt il-Programm Mużikali.

Il-Banda De Rohan kienet mistiedna għall-Festa tal-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-Banda La Vallette. Din l-okkażjoni ġiet deskritta hekk : “L-Omm tifraħ lill-Bint”.

1925– Inħadmet l-Istatwa l-kbira tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp magħrufa bħala l-erba’ Partijiet tad-Dinja.

1931– Fl-1 ta’ Frar is-sede tas-Soċjetà ġiet trasferita minn Triq il-Kbira għall- 18,19,20 Misraħ San Filippu. Dun Karm Psaila, aktar tard onorat bħala l-Poeta Nazzjonali, mexxa ċ-Ċerimonja tal-Konsagrazzjoni tal-Każin lill-Qalb ta’ Ġesu’. Għal din l-okkażjoni saret festa u ġie esegwit programm Mużikali fil-Pjazza tar-Raħal.

Għall-festi ta’ barra ta’ dik is-sena saret l-istatwa li tirrapreżenta l-‘Ħarba ta’ San Ġużepp u l-Madonna bil-Bambin’, xogħol Mastru Carm Mallia.

1932– Lejn l-aħħar t’Awwissu l-bandist tal-post Ġeraldu Farrugia ġie maħtur surmast direttur tal-Banda De Rohan. Hu żamm din il-kariga għal 38 sena.It-Triq ta' Sikkina armata għall-festa ta' San Ġużepp.

1935– F’Mejju saru festi kbar f’għeluq il-25 sena Silver Jubilee tar-Re Ġorg V. F’dawn il-festi l-Banda De Rohan għamlet programm mużikali f’Misraħ San Filippu.

F’din is-sena sar il-Konċilju Reġjonali f’Malta li impona restrizzjonijiet ħorox fuq il-festi sekondarji.

1937– F’Ħaż-Żebbuġ saru festi ta’ tifkira ta’ għeluq il-200 sena mit-twelid ta’ Dun Mikiel Xerri. Il-Banda De Rohan ħadet sehem f’dawn il-festi u esegwiet programm mużikali fil-pjazza tar-raħal.

1938– Fis-16 ta’ Ottubru, ġewwa Ħaż-Żebbuġ ġiet organizzata festa sabiħa għall-okkażjoni ta’ għeluq it-78 sena mit-twaqqif tal-Banda Rohan. Għal din il-festa ġew mistiedna diversi persuni distinti fosthom il-Gvernatur ta’ Malta Adams Hunter. Ġie esegwit Programm Mużikali u wara ġiet ippreżentata Bandalora mill-Gvernatur lill-President, is-Sur David Camilleri. Il-finanzi għal din il-bandalora nġabru fuq inizjattiva tal-Prokuratur Dun Ġużepp Bonanno mill-membri u l-benefatturi tas-Soċjetà.

1942– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda de Rohan iffesteġġjaw l-għoti tal-George Cross permezz ta’ programm Mużikali f’Misraħ San Filep.

1944– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda de Rohan bdiet torganizza ta’ kull sena l-festa tal-Victory.Il-Festa ta' Malta Vittorjuża ċċelbrata mis-soċjetà tagħna.

1945– Dun Karm Psaila, qassis Żebbuġi u Poeta Nazzjonali kiteb il-Kliem tal-Innu lil San Ġużepp.

1946– Fil-Festa ta’ San Ġużepp ta’ din is-sena żżanżan palk ġdid. Il-Banda de Rohan ħadet sehem fil-festi tar-rebħa.

Mons. Franġisku Saverio Caruana1947– Il-Banda De Rohan ħadet sehem attiv fil-festi ċentinarji li saru f’Ħaż-Żebbuġ fl-okkażjoni ta’ għeluq il-100 sena mill-mewt tal-kbir patrijott Malti Mons. Franġisku Saverju Caruana. F’din l-okkażjoni l-Banda De Rohan, b’daqq ta’ mużika għall-okkażjoni mexxiet il-korteo minn ħdejn il-Bieb il-Ġdid fejn kien joqgħod Mons. Caruana, fejn Mons E.Galea kixef lapida kommemorattiva.

F’dik l-istess sena l-kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ħa sehem fit-twaqqif tal-Għaqda tal-Każini tal-Baned.

Għall-festa ta’ din is-sena kien sar l-imsemmi ‘t-Tapit il-Kbir’, nar tal-art, armat fuq disa’ antarjoli ta’ 50 pied għoli. Biċċa xogħol li d-dilettanti tan-nar tas-soċjetà baqgħu margħufin għaliha.

1953– Il-Banda De Rohan ħadet sehem fl-isfilata tal-baned u għamlet programm fil-festi li saru għall-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II.

1954– Fl-okkażjoni taż-żjara tar-Reġina Eliżabetta II f’Malta l-Banda De Rohan esegwiet Programm Mużikali fi Pjazza Reġina l-Belt.

1958– Fi Frar s-soċjetà pparteċipat fil-Karnival ta’ Malta b’karru dekorattiv bl-isem ta’ Flying Fish. Kien suċċess u ntrebħu tliet premijiet, fil-kostum, fil-karru u fiż-żfin.

1959– Il-Banda De Rohan tilqa’ lill-Arċisqof Mikiel Gonzi fl-ajruport ta’ Ħal-Luqa u twasslu sal-Palazz tiegħu l-Belt.

F’din l-istess sena fil-festa ta’ San Ġużepp, il-Banda De Rohan żanżnet strumentatura ġdida.

1960– Jiġi mfakkar f’Marzu l-Ewwel Ċentinarju mit-twaqqif tal-Ewwel Banda f’Malta, Il-Banda De Rohan, f’ Ħaż-Żebbuġ isiru festi kbar biex jiġi mfakkar dan iċ-ċentinarju.Ritratt waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-100 sena anniversarju tal-Banda De Rohan

1962– L-istatwa ta’ San Ġużepp bdiet toħroġ u tidħol mill-bieb ewlieni taz-zuntier tal-Knisja u mhux mill-bieb tal-ġenb. Dan l-aġir stramb kien jiġri biss fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ u mkien aktar f’Malta. Kienet l-aktar ħaġa kerha u nuqqas ta’ rispett lejn il-Patrun Universali tal-Knisja.

1964– Il-Banda de Rohan, fl-20 ta’ Settembru tagħmel marċ tul Triq ir-Rjali (illum Triq ir-Repubblika) fl-okkażjoni tal-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.

1965– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan flimkien mal-Kunsill Ċiviku jfakkru r-raba’ ċentinarju tal-Assedju l-Kbir. Il-Banda De Rohan esegwiet programm mużikali f’Misraħ San Filippu Ħaż-Żebbuġ.

1970– F’din is-sena jsiru festi kbar f’Ħaż-Żebbuġ biex jitfakkar l-Ewwel Ċentinarju mill-Proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun Universali tal-Knisja. Għal dawn il-festi barra s-soltu sehem attiv tal-Banda De Rohan ġew mistiedna biex jieħdu sehem ukoll iż-żewġ baned Żebbuġin l-oħra, il-Banda San Filep u l-Banda 12 ta’ Mejju.

1976– Il-Kumitat tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan jibda l-proġett tal-iżvilupp tal-Każin.

1979– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan tgwaqqaf għall-ewwel darba f’Malta l-Kummissjoni Nisa Ġużeppini fi ħdan is-soċjetà.

Il-Banda De Rohan tieħu sehem fil-festi ta’ Jum il-Ħelsien.

1980– Il-Banda De Rohan tieħu sehem bi programm Mużikali fil-festi tas-600 sena mit-twaqqif ta’ Ħaż-Żebbuġ.

1982– Il-Banda De Rohan tirrappreżenta lill-Għaqda Każini tal-Baned b’kunċert Strumentali, fl-istitut Kattoliku.

1985– F’Lulju sar il-ftuħ uffiċjali tal-estensjoni tal-Każin mill-President tar-Reppubblika Agatha Barbara. Din is-sena kienet taħbat ukoll il-125 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda De Rohan u kien sar programm mużikali kbir taħt id-direzzjoni tas-surmast Lawrence Borg.

1986– Fl-okkażjoni tal-25 sena mill-mewt ta’ Dun Karm Psaila, Poeta Nazzjonali, fil-każin ittellgħet wirja u serata mużiko-letterarja. Is-sala ta’ fuq ġiet imsemmija “Sala Dun Karm” u fl-istess sala nkixef bust ta’ Dun Karm.

Sar il-ftuħ uffiċjali tal-Kamra tan-Nar ġdida f’Wied Qirda.

1989– Biex jitfakkar il-25 anniversarju minn meta Malta kisbet l-Indipendenza l-Banda De Rohan ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’dawn il-festi b’marċ fil-Furjana.

1990– F’Lulju tpoġġa f’postu l-frontispizju l-ġdid. Xogħol l-iskultur Żebbuġi Lawrence Attard.

1991– Ġie inawgurat arkivju ġdid mill-President Onorarju l-imħallef Joseph David Camilleri. Xogħol maħdum fil-ġewż mill-Mastrudaxxa Pawlu Azzopardi fuq disinn ta’ Lawrence Briffa mill-Birgu.

Il-Banda De Rohan taħt id-direzzjoni ta' Mro. Debattista fil-konkors Melita Cable tal-1993.1993– Il-Ġimgħa 17 ta’ Diċembru se jibqa’ mfakkar fost l-aktar jiem storiċi fl-istorja tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan. F’dan il-jum, ġewwa t-teatru Manoel, il-Banda De Rohan taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Ronnie Debattista rebħet il-finali tal-Konkors Bandistiku organizzat mill-Ministeru tal-Kultura.

1994– Isem il-Banda De Rohan kompla jissaħħaħ matul din is-sena. Bħala rebbieħa tal-Festival il-Banda De Rohan ġiet mistiedna mill-Ministeru tal-Kultura biex tieħu sehem fil-Malta International Brass and Woodwind Festival, biex esegwiet programm mużikali fit-Teatro Manoel flimkien ma’ tlett baned barranin, tnejn Ġermaniżi u waħda minn Sqallija.

1995– Tfakkar kif kien xieraq b’akkademja Mużiko-Letterarja bis-sehem attiv tal-Banda de Rohan fil-Knisja Arċipretali, il-125 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Ġużepp fostna ż-Żebbuġin u minn meta San Ġużepp ġie pproklamat Patrun Universali tal-Knisja.

1997– Is-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan fuq stedina tal-Kunsill Lokali ħadet sehem fil-ġemellaġġ li sar f’Agira
2000– Ġie mfakkar l-140 sena mit-twaqqif tal-Ewwel Banda f’Malta, il-Banda De Rohan, għal din l-okkażjoni f’Misraħ San Filep ġie esegwit Kunċert Vokali u Strumentali. Għan-nom tal-membri l-President ta’ Malta u President Onorarju tas-Soċjetà l-Professur Guido De Marco ppreżenta bandalora lill-President tas-Soċjetà Frans Ghirxi. Il-Bandalora saret fuq disinn tas-Sur Ronnie Pisani u nħadmet minn Emmanuela Galea.

2003– Is-Soċjetà San Ġużepp u Banda De Rohan fakkret l-ewwel ċentinarju mill-mewt tal-fundatur tal-Banda de Rohan, OMM IL-BANED MALTIN, Mastru Indri Borg. Għal din l-okkażjoni sar Kunċert Mużikali fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali, il-Belt.

2006– Il-Banda de Rohan tellgħet Akkademja Mużikali fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ biex jitfakkar għeluq il-50 sena mindu tnediet il-festa ta’ San Ġużepp ħaddiem f’Malta.

2010– F’Jannar sar Marċ fil-Belt Valletta mill-Banda De Rohan flimkien mal-Banda L’Isle Adam tar-Rabat biex jagħtu bidu għall-festi tal-150 sena anniversarju.

Ġie inawgurat il-ktieb li jittratta l-istorja tas-Soċjetà, “Belt u Banda De Rohan”, tal-awtur Francis Galea.

Il-Kummissjoni Żgħażagħ tippreżenta l-Bandiera lill-Kumitat.
F’Lulju sar programm Mużikali biex jitfakkar il-150 sena anniversarju tal-Banda De Rohan u wara sar kxif ta’ Lapida mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Ġiet mikxufa lapida mal-ħajt tas-sit fi Triq l-Isqof fejn 100 sena qabel beda jingħata l-ewwel tagħlim tal-mużika għall-allievi tal-Banda De Rohan. Il-Lapida ġiet mikxufa waqt il-marċ tal-Ħamis mis-sur Nazju Abela, Chairman tal-Kummissjoni li organizzat l-attivitajiet tal-150 Anniversarju tal-Banda flimkien ma’ Patri Adrian Cachia OFM Kappillan tas-Soċjetà.

Il-Marċ tradizzjonali tal-Festa ta’ San Ġużepp intemm bit-tlugħ ta’ bandiera ġdida mal-arblu tal-każin tas-soċjetà li ġiet irregalata lis-Soċjetà mill-Kummissjoni Żgħażagħ Ġużeppini fi ħdan is-Soċjetà.


Il-Banda De Rohan (l-ewwel standart mil-lemin) waqt il-Festi Ġubilari tal-inkurunazzjoni ta' San Ġużepp

2013– Il-Banda De Rohan flimkien ma’ baned oħra ħadet sehem f’Mass Band permezz ta’ daqq ta’ innijiet waqt il-purċissjoni fl-okkażjoni tal-Festi speċjali tal-Ġublew tad-Deheb mill-Inkurunazzjoni tal-istatwa ta’ San Ġużepp ix-xiħ.

Fl-istess sena, f’għeluq il-150 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Filep, il-Banda De Rohan tat is-servizzi tagħha permezz ta’ Mass Band maż-żewġ Baned l-oħra Żebbuġin f’Akkademja Mużiko-Letterarja fl-10 ta’ Mejju, kif ukoll fil-purċissjoni bl-istatwa fit-12 ta’ Mejju permezz ta’ daqq ta’ innijiet tal-okkażjoni.

 

1918084_10153722157769121_5816846540924429069_n[1]

2016– Il-kumpless tan-nar fi ħdan il-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan, rebaħ l-10 edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art Mekkanizzat li ġie organizzat fuq il-fosos tal-Floriana. Id-dilettanti tagħna rebħu ukoll il-kategorija għall-aqwa mekkaniżmu u l-kategorija għall-orġinalità fid-disinji u movimenti.

 

 

 

 

Email this to someoneTweet about this on TwitterShare on Google+0Share on Facebook228