Artikli oħra

Il-Kappillani u Arciprieti ta’ Haz-Zebbug

Xoghol fiz-zmien il-Kappillani

L-artal ta’ San Filep imbena’ fl-1660 fiz-zmien il-kappillan Dun Salv Muscat. Ittawlet in-nava principali u gew mizjuda zewg artali; dak ta’ San Guzepp u tal-Madonna tal-Karmnu.

Taht il-kappillan Dun Domenico Pace (1679 – 1684) inxtraw diversi djar u gardinetti madwar il-knisja biex b’hekk issir pjazza. Hadem ukoll biex imbniet is-sagristija principali.

Is-salib tal-pjazza gie mtellgha f’Mejju ta’ l-1680 fuq disinn ta’ Lorenzo Gafa’ biex jintwera’ li l-pjazza hija post tal-Knisja. Disinn iehor ta’ Gafa’ kien uzat fil-faccata tal-Knisja meta din kellha bzonn restawr. Dan ix-xoghol sar bejn l-1689 u l-1691.

L-orgni tal-Knisja sar fl-1692.

Fit-13 ta’ Mejju ta’ l-1729 il-Knisja giet solennement ikkonsagrata mill-Isqof Mons. Fra Paolo Alpheran de Bussan.

Fit-8 ta’ Gunju 1829 il-Knisja saret Arcipretali bil-kunsens tal-Papa Piju VIII. Hadem hafna ghal dan il-ghan Dun Ludovico Mifsud Tommasi li kellhu l-opportunita’ li jkun l-ewwel arcipriet ta’ Haz-Zebbug, li izda m’accettahiex u rrizenja

Kronologija tal-kariga ta’ Arcipriet li servew f’Haz-Zebbug

F’dan ir-rahal kellna bosta qassisin fil-kariga ta’ kappillan u iktar tard ta’Arcipriet. Dawn kienu:

Dun F. Salv Vassallo 1832 – 1854
Dun Tumas Naudi 1854 – 1862
Dun Frangisk Borg 1863 – 1864
Dun Pietro Bartolo 1864 – 1887
Dun Guzepp Tagliaferro 1887 – 1891
Dun Luigi Attard 1891 – 1904
Dun Albert Dalli 1904 – 1918
Dun Pawlin Galea 1938 – 1948
Dun Salv Milanesi 1919 – 1938
Dun Lawrenz Zammit 1949 – 1963
Dun Lawrenz Cachia 1963 – 1983
Dun Charles Attard 1984 – 2004
Dun Daniel Cardona 2004 – prezent

L-Istorja fl-Irham

Minn Nazju Abela Ex-President tas-Soċjeta

Matul is-snin, kull soċjeta, speċjalment dik li mogħnija b’ħajja twila, tkun fakkret ġrajjiet u mumenti fl-istorja tagħha b’diversi modi. Jitfakkru ċentinarji u ċinkwantenarji b’attivitajiet kulturali u ħafna drabi b’kunċerti strumentali bandistiċi u vokali. Aktarx iva milli le dawn it-tifkiriet ta’ avvenimenti storiċi, jitfakkru wkoll permezz ta’ lapidi ta’ l-irħam li jitwaħħlu f’postijiet prominenti tas-Sede ta’ l-istess soċjeta.

Il-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan għandu wkoll diversi lapidi mwaħħlin mal-ħitan tal-każin li jfakkru ġrajjiet storiċi jew personalitajiet li għamlu ġieħ lill-istess Soċjeta. F’din il-ħarġa qegħdin nirriproduċu numru minnhom u nagħtu xi tagħrif dwar kull waħda minnhom.

1. Lista tal-Presi-denti tas-Soċjeta: Lapida li tinsab f’post prominenti tat-taraġ ewlieni tal-każin. Il-lista tinkludi tmintax –il president sa mill-ewwel wieħed li kien Dr. Zammit Gauci fl-1910 sas-Sur Frans Ghirxi, il-President attwali li ilu mill-1988.

2. Lista tas-Surmastrijiet li kellha l-Banda De Rohan sa mill-ewwel wieħed Mro. Indri Borg fl-1860 sa dak attwali Mro. Ronnie Debattista. Din il-lapida hija wkoll fit-taraġ biswit l-oħra li tfakkar lill-presidenti.

3. Lapida li tfakkar ir-rebħa kbira miksuba mill-Banda De Rohan fl-Ewwel Konkors Bandistiku mniedi mill-Melita Cable TV u organizzat mill-Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura li kien sar fit-Teatru Manoel f’Diċembru 1993. Il-banda dakinhar kienet immexxija mis-Surmast attwali Mro. Ronnie Debattista. Din il-lapida hija mwaħħla mal-ħajt fl-intrata tal-każin.

4. Lapida li tfakkar f’daqqa żewġ avvenimenti storiċi li kienu: Għeluq il-125 sena mit-twaqqif tal-banda u l-75 sena minn meta kienu nagħqdu flimkien il-Każin San Ġużepp u l-Banda De Rohan. Lapida mikxufa mis-Sinjorina Agata Barbara, President tar-Repubblika wara kunċert kbir vokali u strumentali taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Lawrence Borg nhar it-23 ta’ Lulju 1985. Din il-lapida hija mwaħħla fuq il-ħajt ta’ l-intrata tal-każin.

5. Lapida li tfakkar lil wieħed mill-aqwa Prokuraturi li qatt kellha s-Soċjeta: Dun Ġużepp Bonanno u li għex bejn l-1916 sa l-1943. Din il-lapida tinsab imwaħħla mal-faċċata ewlenija tal-każin.

6. Lapida oħra mwaħħla mal-faċċata tal-każin hija dik li tfakkar Għeluq il-100 sena mit-twaqqif ta’ l-Ewwel Banda f’Malta. Din inkixfet wara kunċert kbir vokali u strumentali taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Ġeraldu Farrugia fis-6 ta’ Marzu 1960.

Uno Scandalo alla Moda

Minn Joseph Flask

Mhux biex nitkessaħ jew biex nuri kemm naf Taljan, imma ridt, apposta nagħti lill-artiklu tiegħi l-isem bit-Taljan għax hekk kien magħruf dan il-każ u hekk kien issemma’ fil-gazzetti Maltin L’ORDINE, IL PORTAFOGLIO MALTESE u CORRIERE MERCANTILE MALTESE fil-ħarġiet ta’ bejn April/Mejju ta’ l-1868. Apparti li kieku kelli nagħmel traduzzjoni jew naddatta xi isem ieħor wisq nibża’ li ma kontx infiehem sew dwar x’hiex inkun qed nikteb.

Il-każ, li se nipproponilkom illum, huwa fuq il-kwistjoni li nqalgħet f’Ħaż-Żebbuġ meta l-prokuratur tal-festa ta’ San Filep qabbad lil Maestro Angelo Galea iħejji l-mużika għall-okkażjoni. Iżda qabel ma waslet il-festa, il-prokuratur inbidel, ħassar il-kummissjoni li kienet nagħtat lil Galea u qabbad lil ħaddieħor.

Qabel ma nirrakkontalkom fuq il-każ fid-dettal, nixtieq immur ftit lura mis-sena msemmija, madwar seba’ snin, u nislet mill-gazzetta L’ORDINE tas-27 ta’ Settembru 1861, dan li ġej: “Smajna li fil-Knisja Parrokkjali u Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, nhar il-Ħadd, 15 tax-xahar, festa ta’ l-Isem Imqaddes ta’ Marija SS.ma, tqabbad juri l-ħila li kiseb fil-qasam tal-mużika sagra, grupp ta’ żgħażagħ żebbuġin, fosthom xi ekkleżjastiċi, li sa minn disa’ xhur qabel kienu qed iħejju ruħhom u jistudjaw il-mużika taħt it-tmexxija ta’ Maestro Angelo Galea, huwa wkoll imwieled f’Ħaż-Żebbuġ. Minkejja ż-żmien hekk qasir, Galea, kellu l-ħila jrawwem għaqda mużikali ta’ żgħażagħ li kemm f’dak li huwa daqq kif ukoll kant, huma kapaċi li juru ħilithom bħala grupp jew waħedhom, anke f’orkestra kbira. Is-siltiet li daqqew jew kantaw (fil-festa) kienu Salve Regina, Litania, Tantum Ergo kif ukoll Sinfonia li ġew komposti u miktuba apposta minn Maestro Galea. Mir-riżultat ta’ din l-ewwel prova kien tassew suċċess. Galea li kien ilu magħruf sewwa fostna għal ġilitu fil-qasam tal-mużika, f’din l-okkażjoni rnexxielu jagħmel l-almu tiegħu kollu biex juri l-aħjar li jaf mhux biss fil-kompożizzjoni tas-siltiet imsemmija, iżda, l-aktar minħabba li tista’ tgħid mix-xejn ħoloq orkestra li kapaċi tieħu sehem fil-pubbliku u fl-aqwa sloennitajiet reliġjużi. Nawguraw lil Maestro u lill-istudenti tiegġu kollha li jimxu aktar ‘il quddiem, mhux biss biex huma jiksbu suċċess iżda wkoll għall-ġid tal-knisja.”

Ħassejt li kelli noffri lilkom din it-traduzzjoni mit-Taljan għax l-ewwelnett tifhmu minn kien Maestro Angelo Galea imma b’hekk ukoll tkunu tistgħu tiġġudikaw intom min kellu raġun, lil hemm min kif inqatgħet il-kwistjoni bil-Qorti, għax fil-fatt il-każ spiċċa l-Qorti.

Il-gazzetti L’ORDINE u IL PORTAFOGLIO MALTESE fil-ħarġa tagħhom tas-16 ta’ April, 1868 ħabbru permezz ta’ artkolett il-każ u minbarra li sejħulu skandlu wkoll “immorale incidente” u għalhekk ta’ min iż-Żebbuġin kollha jkunu jafu bih. Ġara li l-prokuratur tal-parroċċa arċipretali, bħalma kienet id-drawwa avviċina lil Maestro Galea u qallu biex iħejji l-mużika għall-festa ta’ San Filep. Il-Maestro, beda minnufih il-ħidma tiegħu u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu, kif jgħidu, biex jonora l-kuntratt tiegħu u jikteb mużika mill-isbaħ kif kienet tixraq lis-solennita hekk kbira. Din kienet l-ewwel darba li Maestro Galea ġie kummissjunat impenn hekk kbir mill-parroċċa u ħafna sostnew, li bħala Żebbuġi kien messu li ngħata l-kummissjoni ferm qabel. Ftit tal-ġranet wara iżda, inbidel il-prokuratur li, minkejja li kien jaf b’dak li kien sar mill-predeċessur tiegħu, iddeċieda, għax fl-aħħar mill-aħħar kellu kull dritt li jagħmel dan, li jħassar il-kummissjoni mogħtija lil Maestro Galea u qabbad lil maestro ieħor. Ovvjament Galea, ħassu nsultat u fetaħ kawża legali kontra l-prokuratur il-ġdid. L-awtur ta’ dan l-artikolett, l-istess wieħed għaż-żewġ gazzetti kompla jikkummenta li minn dan l-aġir purament passjonali ma jagħmel xejn ġieħ lil min ħolqu jmissu jistħi. Il-kittieb wissa wkoll, li mhux eskluż li fil-ħarġiet li jmiss jikxef għawwar il-persuna responsabbli. Ikkonkluda li tapprofitta mill-paċenzja u mit-tjubija ta’ ġentlom bħal Maestro Galea kien tassew aġir goff u krudili u tiegħu għad irid jagħti rendikont legali u pubbliku.

Kif kien mistenni ma għaddewx wisq ġranet biex fuq il-gazetta CORRIERE MERCANTILE MALTESE tat-22 u tat-23 ta’ April 1868 jixxandru żewġ tweġibiet bi ħlas. Fl-opinjoni tiegħi, għalkemm waħda biss hija ffirmata: Molti Zebbugini anki t-tieni waħda ħarġet mill-istess pinna, għax kulma hemm xi tibdil insinifikanti u t-tnejn jgħidu u jsostnu l-istess argument. Mela, f’dawn iż-żewġ ittri lill-Editur jingħad li l-“Capo di Banda A. Galea” minn Ħaż-Żebbuġ, li minn xi żmien huwa bla xogħol, kien ilu jipprova juri l-ħila tiegħu fil-qasam tal-mużika. Fil-fatt kien ikkompona xi mużika, xi ħaġa żgħira u mhux ta’ daqstant valur fl-okkażjoni tal-festi ta’ xi konfraternitajiet tar-raħal stess. Dlonk iżda, il-prokuraturi bdew ifittxu u jiksbu s-servizzi mużikali ta’ maestri oħrajn, għax Galea daqqa kien jonqos milli jonora l-impenn tiegħu għax ma sabz biżżejjed mużiċisti u ġieli wkoll għax ma kienx jaqbel mal-fehmiet tal-prokuraturi. Dan l-aħħar imbagħad, Galea ipprova jibqa’ għaddej bit-tħejjija tal-mużika għall-festa titulari, meta kien jaf li kienet nulla l-kummissjoni li ngħatat lilu minn dak li issa ma kienx iktar il-prokuratur tal-parroċċa arċipretali.

Il-prokuratur il-ġdid, bid-dritt kollu kkummissjona l-mużika tal-festa titulari lil Maestro Filippo Bugeja, u dan bis-saħħa ta’ l-awtorita li ġiet mogħtija lilu mill-Ordinarju Djoċesan (l-Isqof ta’ Malta) meta ngħata d-digriet tal-ħatra. Barra minn hekk il “Capo di Banda” m’għandux għalfejn jibqa’ jisħaq fuq drittijiet minħabba li huwa Żebbuġi, għax il-Maestro A. Gatt u G. B. Gatt, għalkemm huma wkoll Żebbuġin qatt ma ħassew li huma għandhom daqstant ħila li jidħlu għall-impenn bħal dak.

Hawnhekk, l-awtur jew l-awturi tal-korrispondenza bi ħlas ma fhimtx sew jekk b’konvinzjoni jew forsi b’ton sarkastiku donnhom riedu jċanfru u jwiddbu lil Maestro Angelo Galea, għax komplew jiktbu hekk: “Il Capo di Banda” mill-banda l-oħra lanqas kiseb xi jedd partikulari biex tiġi kummissjunata lilu l-mużika tal-festa ,minżabba cospicue elargisioni (għotjiet ta’ flus kbar) għall-istatwa tal-fidda u tant anqas gratuite lezioni di musica (lezzjonijiet tal-mużika bla ħlas) li huwa kien jagħti liż-żgħażagħ.

L-ittra tintemm hekk: L-Ordinarju wera prudenza fil-ħatra tal-prokuratur il-ġdid, meqjus bħala bniedem għaref, mhux interessat u espert fit-tħaddim ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ħwejjeġ tal-Knisja. Fiż-żmien li ġej żgur se jkun kapaċi, jekk iħossu offiż minħabba f’għemilu, li jieħu l-passi kollha meħtieġa bil-Qorti biex joħnoq l-interssi ta’ dak li jrid jikseb ġustizzja quddiem il-Qorti jew bis-saħħa tal-poplu.

Minn dan kollu jidher ċar li minħabba l-każ ta’ Maestro Galea, f’Ħaż-Żebbuġ inħolqu żewġ gruppi opposti. Barra minn hekk mill-korrispondenza faċli wieħed jintebaħ li min kiteb ma setax ikun iktar ċar peress li l-każ jew kien diġa’ inkellha kien se jitressaq il-Qorti. Effettivament, hekk ġara. Minn estratt tal-volum fejn hemm imniżżla id-deċisjoniniet tar-Reġistru tal-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili tal-Maesta Tagħha, il-każ ġie trattat mill-Imħallef Dr. Giovanni Conti fis-Sezzjoni ta’ Pentekoste t-Tlieta, 21 ta’ April, 1868. It-taħrika saret minn Angelo Galea professor tal-mużika kontra s-Saċerdot D. D. Salvatore Trevisan bħala prokuratur tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Maestro Galea talab lill-Qorti biex tiddikjara u tiddeċiedi bħala validu l-kuntratt li huwa kien għamel mas-Saċerdot D. Tommaso Debono bħala prokuratur ta’ l-istess knisja, qabel ma ġie sostitwit mis-saċerdot imħarrek. Maestro Galea talab li jingħata mill-prokuratur tal-knisja ħlas ta’ 200 skud dovuti lilu, meta ngħata l-kummissjoni biex jesegwixxi l-mużika tal-festa titulari ta’ San Filep ta’ Agira, inkluż it-Tridwu. Huwa talab lill-Qorti biex tiddeċiedi li huwa fil-fatt intitulat, bis-saħħa tal-kuntratt, li jmexxi l-mużika tal-festa, minkejja l-bidla li seħħet (fil-prokura tal-knisja) u minkejja l-oppożizzjoni mis-saċerdot imħarrek permezz ta’ kontro-protest fil-Qorti tat-23 ta’ Marzu 1868. Maestro Galea talab lill-Qorti wkoll bħala bla bażi l-argument li ġab l-imħarrek li biex jiġġustifika lilu nnifsu qal li mhux l-ewwel darba li ġie kkummissjunat ħaddieħor.

Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju, 1868, il-Qorti tat il-verdett tagħha, wara ovvjament li trattat il-kawża skond il-liġijiet u semgħet ix-xhieda li tressqu miż-żewġ naħat. Il-Qorti kkonfermat li ma kienx hemm dubju fuq l-inkarigu mogħti lil Maestro Galea mill-Prokuratur (Saċerdot Debono) ta’ qabel u evidenza ta’ dan hija ittra mibgħuta mill-istess prokuratur fit-12 ta’ Marzu 1868. Madankollu anki mingħajr l-ittra l-inkarigu kien validu xorta waħda għax sar mill-prokuratur li kellu dritt jaġixxi kif aġixxa, minħabba li huwa ma jkunx jista’ jeżerċita l-awtorita tiegħu jekk titneħħielu jew inkella jiġi sostitwit kif fil-fatt ġara. L-imħallef kompla jgħid li min għamel il-kawża (Maestro Galea) ma kienx soltu jesegwixxi dik il-mużika, ma jfisser xejn għaliex li l-istess Maestro jeseegwixxi l-mużika tal-festa għal diversi snin hija eċċezzjoni anzi, il-bdil tas-surmastrijiet huwa frekwenti għal diversi raġunijiet fosthom biex tkun mużika bi stil diiferenti. Tant hu hekk li s-saċerdot imħarrek (Saċ. S Trerrsan) iddeċieda li jikkummissjona lil Maestro Bugeja u mhux lil Maestro Nani li fl-aħħar snin kien qed imexxi l-mużika hu. Apparti, sostna l-imħallef lib l-istess ħlas li kienu jinkisbu tliet servizzi, il-ftehim milħuq (ma’ Maestro Galea) kien jinkludi sitt servizzi bit-Tridwu b’kollox.

Mis-smiegħ tax-xhieda rriżulta li diġa kine hemm għidut li l-prokuratur kin se jitneħħa, iżda, l-imħallef qal li dak ma kien ifisser xejn għax lanqas l-istess Arċipriet ma kien ta kashom. L-istess jgħodd għall-prokuratur, li kellu għalfejn jagħti kas l-għidut li kieku dawn kienu ġejjin minn fuq jew li effettivament kien se jitneħħa. Madankollu kompla jgħid l-imħallef jista’ jkun possibbli li Maestro Galea ġiegħel lill-prokuratur jikkonferma bil-miktub il-kummissjoni li kien tah, f’każ li dak li kien għadu għidut, iseħħ. L-imħallef għadda wkoll kumment fuq il-fatt li dak l-istess għidut ma influwenzax lis-Saċerdot Debono milli jagħti l-permess għan-nar tal-festa. Fil-fatt għalkemm ċaħad l-ewwel talba li saret minn Michele Balzan, ftit jiem wara, l-istess prokuratur ħareġ il-permess.

Interessanti wieħed jinnota li b’enfażi kbira, l-imħallef, warrab għal kollox dal li ntqal fuq in-nuqqas ta’ ħila ta’ Galea fil-qasam mużikali. L-Imħallef Conti sostna bil-qawwa li Maestro Angelo Galea kien mużiċist prim, professor tal-mużika mill-aqwa u magħruf sew bħala direttur u surmast ta’ baned tal-militar. Barra minn hekk kompla jgħid Dr. Conti, Maestro Galea huwa magħruf ukoll għall-kompożizzjonijiet li ndaqqu kemm-il darba f’okkażjonijiet solenni u importanti, apparti li diversi drabi mexxa tajjeb mużika fil-knejjes. Naħseb li l-Imħallef Conti kien jaf sew lil Maestro Galea għax fil-preżentazzjoni tal-verdett tiegħu kompla jisħaq li l-akkuża li Maestro Galea ma kienx ta’ livell jew li ma kienx ingħata ħatriet bħal dik imsemmija, inġabet fix-xejn mill-istess prokuratur imħarrek. Kien l-istess prokuratur, żied jgħid Dr. Conti, li prattikament ġab lil Galea fuq l-istess livell ta’ Maestro Bugeja, għax ikkummissjona lil Galea kompożozzjoni tat-tieni Vespri solenni fl-istess ġurnata li kienet se tindaqq quddiesa mmexxija minn Bugeja. Il-prokuratur irrikmanda lil Galea li jikkomponi Vespri solenni tant u daqs il-quddiesa.

Fuq il-kwistjoni tal-kummissjoni mogħtija lil Galea, l-imħallef għamilha ċara li bħal kull ħaġ’oħra li tiġi kkummissjonata dejjem jista’ jiġi revokat jew irtirat basta, min ħareġ il-kummissjoni jew ta’ xi mandat lil xi ħadd, jagħmel tajjeb għall-ispejjeż u jħallas lil dak li ġie kkummissjunat b’dak ix-xogħol. Il-fatt li l-prokuratur il-ġdid ta l-kummissjoni tal-mużika lil ħaddieħor, iffisser li jkun ħassar il-kummissjoni mogħtija mill-predeċessur tiegħu. Lil hemm mid-drittijiet l-prokuratur għandu bil-liġi, daqstant ieħor irid jaċċetta l-konsegwenzi tal-liġi u jħallas lil Galea dak li huwa dovut lilu skond kif tipprovdi l-liġi.

L-Imħallef Dr. Giovanni Conti fl-aħħarnett iddikjara u ddeċieda li huwa fatt li Maestro Angelo Galea ngħata l-kummissjoni biex din is-sena jesegwixxi l-mużika tat-Tridwu u tas-Solennita tal-festi ta’ San Filep ta’ Agira fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Ta’ dan kellu jitħallas 200 skud. Fl-istess ħin hija aċċettabli t-teżi tat-tneħħija tal-kummissjoni fid-dawl ta’ l-aġir kif ukoll ta’ l-awtorita li għandu l-Prokuratur D. Salvatore Trevisan. Madankollu, il-prokuratur huwa obbligat li jħallas lil Galea is-somma stabbilita fil-kummissjoni (200 skud) li ngħata mill-Prokuratur D. Tommaso Debono. Fl-aħħarnett Galea għandu dritt jitħallas għall-ispejjeż tax-xogħol li laħaq lesta, iżda dan jiġi deċiż f’sezzjoni oħra separata.

L-Imħallef temm jgħid li fuq il-bażi ta’ dan, għandu jsir dak li huwa ddeċieda iżda, ma jistax jilqa’ l-proposta ta’ Maestro Galea. L-ispejjeż kollha nklużi tal-Qrati ġew addebitati lill-prokuratur D. Salvatore Trevisan.

Ma nistax nikkonkludi mingħajr ma nagħmel referenza għall-ittra li xxandret fil-CORRIERE MERCANTILE MALTESE tal-25 ta’ Mejju 1868. L-ittra ġiet iffirmata b’nom-de-plume Niggieża u fiha m’hemm xejn ħlief tifħir kbir lejn l-eżekuzzjoni tal-mużika tal-festa ta’ San Filep.

Tifħir lill-Prokuratur il-ġdid D. Salvatore Trevisan u Żebbuġin oħrajn mhux identifikati għall-organizzazzjoni tal-festa fosthom l-attivitajiet esterni, bħad-dawl, in-nar, il-baned mużikali u naturalment il-purċissjoni. Fuq il-mużika tal-festa saret enfasi kbira li kienet tal-Maestro di Cappella Vincenzo Bugeja u li ġiet esegwita minn Maestro Filippo Bugeja, hu l-Maestro di Cappella. Intqal fost l-oħrajn li għalkemm kien hemm tibdil ta’ sikwit ta’ prokuraturi, iż-Żebbuġin kien ilhom iktar minn għaxar snin ma jisimgħu mużika hekk sabiħa. Il-Kleru, sostnaNiggieża, ħareġ sodisfatt għax hu l-iktar kompetenti fil-mużika, imma il-mużiċisti u l-kantanti Maltin u barranin taw is-sehem tagħhom kollu biex il-festa tkun suċċess.

Nixtieq nikkonkludi u nagħmel riflessjoni żgħira. Tgħid in-nies, fiż-żminijiet li semmejna x’kien li jġegħelhom jaġixxu b’dak il-mod: kienu animate minn għira sinċiera biex l-affarijiet issiru tajjeb żgur, jew minn pika kattiva li kienu jridu biss li tgħaddi tagħhom?

Sinċerament…ma nafx x’inwieġeb.

 

Tifkiriet tal-Imghoddi

Kitba ta’ Alfred Delmar

Bħas-snin li ghaddew, se nkomplu nagħtu aktar tagħrif interessanti dwar is-Soċjeta Każin San Ġużepp u Banda De Rohan u dwar persunaġġi b’konnessjoni ma’ l-istess Soċjeta. Nafu fi żgur li dawn il-kitbiet qegħdin ikunu ta’ interess partikulari ghal dawk li jħobbu l-istorja. Dan it-tarif jagħmlu interssanti ż-żmien li jkun ghadda minn meta seħħ u għalhekk ma jistax jonqos li f’Soċjeta bħal tagħna b’tant snin ta’ ħajja u bi storja tant vasta jagħmlu dawn l-artikli ta’ nteress kbir.

Iż-Żjara tal-Gvernatur Bonham Carter

Matul is-snin is-Soċjeta Każin San Ġużepp u Banda De Rohan kellha diversi żjajjar minn personalitajiet distinti fosthom diversi gvernaturi. Illum se niktbu dwar iż-żjara li l-Gvernatur Sir Charles Bonham Carter u l- mara tiegħu għamlu ġewwa Ħaż-Żebbuġ.

Għall-okkażjoni tal- festa tal-Patrun San Filep nhar it-12 ta’ Mejju 1936, fil- 11.00 ta’ filgħodu, Sir Charles u Lady Bonham Carter akkumpanjati mill-istaff personali u l-Maġġur Briffa De Piro għamlu żjara f’Ħaż-Żebbuġ.

Kif wasal il-pjazza, il-Gvernatur ġie milqugħ mill-iScouts ta’ Ħaż-Żebbuġ u mid-District Commissioner il-Kaptan De Trafford.

Il-Gvernatur flimkien mad-delegazzjoni tiegħu ghamlu żjara lill-Każin tal-Banda Rohan fejn ġie milqugħ mill-President ta’ l-istess Każin, is-Sur David Camilleri u l-Kumitat. Is-Sur Camilleri qralu ndirizz li ghaliħ il-Gvernatur irrisponda. Wara għamel ukoll żjara lill-Kazin tal-Banda San Filippo.

Wara li l-Gvernatur spiċċa miż-żjara tiegħu fil-każini tal-Banda, wera x-xewqa li jżur xi djar private biex jara kif jgħixu n-nies tar-raħal, u hekk għamel żjara fid-dar ta’ żewġ familji Żebbuġin.

Wara mbagħad Sir Charles għamel żjara fil-Knisja Arċipretali fejn ġie milqugħ mill-Arċipriet Rev. Salvatore Milanesi u mill-Kleru.

Barka mill-Papa Benedittu XV

Dwar din l-okkażjoni l-ġurnal “Malta Tagħna” tat-18 ta’ Frar 1922 jirrapporta hekk:-

Inħabbru bil-pjaċir kollu ta’ qalbna li għat-talba umli tal-President Giov. Maria Tanti u tas-Segretarju s-Sur David Camilleri tal-Kumitat Direttiv taċ-Ċircolo San Giuseppe u tas-Soċjeta Filarmonica Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ, l-Imqaddes Papa Benedittu XV għoġbu jikkonċedi ftit qabel mewtu liċ-Ċircolo u lis-Soċjeta Filamonica fuq imsemmija, u lil dawk kollha li rsistew sabiex twaqqfet kappella fl-istess Ċircolo ddedikata lis-Sagra Familja, il-Benedizzjoni Appostolika speċjali tiegħu u li fis-27 ta’ Jannar li għadda ġiet ikkonfermata mill-mahbub tagħna Mons.Arċisqof Dom Mauro Caruana.

Festa Nazzjonali

Nhar il-Ħadd, 8 ta’ Ottubru 1905, ghall-ewwel darba l-Każin tal-Banda Rohan ta’ Ħaż-Żebbug sejrin jiffesteġġjaw din id-data memorabbli tat-8 ta’ Settembru 1565.

Din il-Banda Rohan sejra ddoqq wara nofsinhar programm mużikali sabiħ quddiem il-Każin tagħha u filgħaxija tillumina li-Każin minn barra.

Xieraq ukoll li din il-festa ssir f’Ħaż-Żebbug, għax f’dan l-Assedju tat-8 ta’ Settembru 1565, mietu ma’ 800 persuna Żebbuġin.

Iż-Żebbugin fl-istorja tal –Patria tagħna għandhom paġni sbieħ. Il-Knisja Arċipretali ta’ kull sena fis-7 ta’ Settembru tagħmel funeral solenni għal dawk li mietu f’dan l-assedju.

Nisperaw li din il-festa ghas-sena li ġejja tkun bil-bosta iżjed sabiħa. Ta’ min jifraħ lis-Soċi tal-Każin Rohan u l-Banda tagħhom għal dan il-ħsieb sabiħ.

Triq Dun Mikiel Xerri

Fis-7 ta’ Diċembru 1922, is-Sur Giov Maria Tanti ta’ Ħaż-Żebbuġ, bħala President taċ-Ċircolo San Giuseppe e Societa Filarmonica Rohan ta’ Ħaż-Żebbug, mis-sede ta’ l-istess Ċircolo, kien kiteb ittra patrijottika lis-Sur Michele Borg tal-Furjana deputat Laburista tat-tielet distrett. F’dan l-ittra l-President tas-Soċjeta kien talbu sabiex jagħmel interpellanza fil-parlament lill-Gvern Nazzjonalista biex Strada Caruan u Strada Don Michele Xerri u l-oħra Strada Don Bartolomeo Zarb; żewġ saċerdoti Żebbuġin xkubettjati mill-Franċiżi f’ Jannar ta’ l-1799.

Dak iż-żmien fl-1922 Ħaż-Żebbuġ kien jifforma parti mit-tielet Distrett li minbarra Ħaż-Żebbuġ kien jinkludi fih ukoll lill-Floriana, Marsa, Ħamrun, tal-Pieta u Ħal-Qormi.

Id-deputat Laburista Michele Borg kien pront rrisponda b’ittra hekk lis-Sur Giov Maria Tanti.

No 61, Starda San Tommaso

Floriana

8 ta’ Dicembru 1922.

Carissimo Signore,

In risposta alla vostra amabile lettera di ieri, devo rispondervi, che lunedi prossimo, non manchero di presentare nel libro avvisi del Parlamento, una interpellanza concernente il Prof. Don Michele Xerri e Don Bart Zarb – due patriotti che hanno lasciato la vita pour la patrie!

Detto interpellanza appena sara stampata nella stamperia del Governo, non manchero certo di mandarvi copia.

Qui accluso vi mando come souvenir la mia fotografia. Disposto sempre a ben servirvi con distinta sima, vi saluto.

Michele Borg

Fit-12 ta’ Diċembru 1922, il-President tas-Soċjeta Filarmonica Rohan irċieva bil-posta mingħand is-Sur Michele Borġ “Copia dell’Avviso stampato”, li kien

Question – Mr Michele Borg to the Head of Ministry – 11th December 1922:-

Is the government prepared to meet the wishes of the inhabitants of Casal Żebbuġ, Malta, by giving to two streets in that village the names of the late Patriots Prof. Don Michele Scerri and Don Bartolomeo Zarb?

Fis-Seduta Parlamentari tat-22 ta’ Diċembru 1922, din l-interpellanza ġiet ippreżentata mis-Sur M. Borg lill-Parlament fejn giet aċċettata mill-Gvern.

Il-ġurnal “Patria” tat-28 ta’ Dicembru 1922, jirrapporta hekk:-

Fraħna ħafna u ħadna pjaċir meta sirna nafu li l-Gvern aċċetta l=inerpellanza ta’ l-Onor. Michele Borg sabiex isemmi żewġ toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ lil żewġ patrijotti martri tal-patria l-Prof. Dun M. Xerri u Dun Miju Zarb, żewġ saċerdoti minn dak ir-rahal li gew xkubettjati mill-Franċiżi fil-Pjazza tal-Liberta li llum hija Pjazza San Giorgio, f’Jannar 1799.

Infaħħru ħafna lill-Onor. M. Borġ u tant ieħor lill-President taċ-Ċircolo San Giuseppe e Societa Filarmonica Rohan, li bħala patrijott gieħ dan il-ħsieb nobbli ta’ dawn iż-żewġ saċerdoti Martri tal-Patria, minn kulħadd diżgrazzjatament minsija

Pero kien jidher li sa nofs is-sena 1926, l-ebda triq f’Ħaż-Żebbuġ ma kienet għadha ġiet imsemmija għal xi wieħed minn dawn iż-żewġ saċerdoti patrijotti. Għalhekk għal darba oħra l-President tas-Soċjeta kien talab l-għajnuna, din id-darba tas-Sur Ninu Dalli, membru fil-partit “Unione Politica Maltese” u deputat parlamentari għan-naħa tal-Gvern mat-tielet distrett sabiex jinterpella lill-Gvern dwar kif kienet għadha ma ġietx imsemmija triq għal xi wieħed minn dawn iż-żewġ saċerdoti f’Ħaż-Żebbuġ.

Hawn ta’ min wieħed jinnota li dak iż-żmien f’Ħaż-Żebbuġ kien hawn żewġ toroq bl-isem ta’ Caruana, waħda Triq Caruana u l-oħra Triql-Isqof Caruana, li kienet magħrufa ukoll bħala t-triq il-ġdida. Oriġinalment it-talba kienet biex Triq Caruana, fejn twieled u għex Dun Mikiel Xerri tigi msemmija ghal ismu. Din it-talba ġiet attwata mill-Gvern lejn nofs is-sena 1926, u Triq Caruana ġiet mibdula ghal Triq Dun Mikiel Xerri.

Mela t-Triq Dun Mikiel Xerri ġiet imsemmija ghalih fl-1926, 127 sena wara mewtu. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għal Dun Bartolomeo Zarb għax kellu jkun aktar tard fil-bidu tas-snin tmenin li ġiet imsemmija triq għalih.

Minn hawn jidher li l-President taċ-Ċircolo San Giuseppe e Societa Filarmonica Rohan, is-Sur Giov Maria Tanti kien il-promutur biex dawn iż-żewġ saċerdoti patrijotti Żebbuġin ikollhom triq imsemmija għalihom f’raħal twelidhom.

Riferenzi:

Il-Poplu, 13 ta’ Mejju 1936.

Malta Tagħna, 18 ta’ Frar 1922.

Il-Poplu, 21 ta’ Jannar 1931.

Patria, 28 ta’ Dicembru 1922.

Malta Govt. Gazzette, pg 844, 5 ta’ Novembru 1926.

Malta Govt. Gazzette, pg 299, 18 ta’ Marzu 1926.

l-Elezzjonijiet Ġenerali 1849-1986, Remiġ Sacco.

Malta e Sua Dipendenza, 6 Ottobre 1905.

Il-Poplu Malti, 7 ta’ Ottubru 1905.

Mużiċisti u Kompożituri Żebbuġin

Kitba ta’ Noel d’ Anastas

Tul is-snin, Ħaż-Żebbuġ dejjem kien minn ta’ quddiem fil-kontribuzzjoni socjo-kulturali u l-intelletwalita Żebbuġija spikkat mhux ftit fost dawk l-irħula rurali ‘l bogħod mill-ibliet ta’ mal-port kif ukoll mill-belt il-qadima u s-subborg tagħha.

Matul is-seklu 18 u l-aħħar żminijiet ta’ l-Ordni ta’ San Gwann f’Malta, Ħaż-Żebbuġ kien ikkunsidrat bħala wieħed miċ-ċentri ta’ attivitajiet kummerċjali. Fost il-popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 4,000 ruħ – waħda mill-parroċċi l-kbar b’xebħ ma’ l-irħula l-oħra, Ħaż-Żebbuġ kien mgħammar b’għadd ta’ familji magħrufa fosthom dik ta’ Pullicino, Torregiani u Mallia Tabone. Barra l-kotra ta’ qassisin, dan ir-raħal kien ir-residenza ta’ nies intelletwali li barra li għamlu isem għalihom, poġġew lil dan ir-raħal bħala kolonna fil-ħajja soċjali u dik kulturali b’sens ta’ stabilita suffiċjenti u influwenza politika fuq livell nazzjonali.

Biss, b’dan kollu, fi żmien il-kappillan Don Felice Borg fis-snin tmenin tas-seklu msemmi, madwar mitejn familja kienet qiegħda tgħix f’sitwazzjoni miżera ta’ faqar u madwar 250 persuna kienet marida u invalida.

Don Pietro Paolo Pullicino – Missier il-Mużika Żebbuġija

Bħal f’kull qasam artistiku ieħor, Ħaż-Żebbuġ tana wirt mużikali b’livell tassew validu għall-kamp nazzjonali. Bla dubju, l-aktar persuna ċelebri magħrufa f’dan il-qasam li għamel isem għal art twelidu kien Don Paolo Pullicino, iben in-Nutar Arcangelo u Julia mwieled fit-30 ta’ Ġunju 1725. Għalkemm ma nafux eżatt ma’ min studja l-mużika hawn Malta – aktarx mas-Senglean Don Michelangelo Vella (1710-1793) li wkoll kien Maestro di Cappella f’dan ir-raħal. Hu ċert li Don Pietro Paolo Pullicino kompla t-tagħlim mużikali f’ Napli li f’dawk iż-żminijiet, il-Konservatorji Naplitani kienu l-mekka għat-tagħlim mużikali għas-subien, liema konservatorji ħarġu minnhom bosta kompożituri kbar li għamlu isem fl-istorja mużikali Ewropeja.

Skond l-istoriku ta’ dan ir-raħal Dun Salv Ciappara fil-ktieb tiegħu Storia del Żebbuġ e sua Parrocchia (1882) jgħid li Pullicino studja maċ-ċelebri Maestro D. Vincenzo Orgitano madwar is-sena 1754. Mid-dokument li sibt riċenti, jiiriżulta fl-1972 Don Pietro Paolo Pullicino fl-eta ta’ 27 sena, flimkien ma ħuħ Gabriele Luca, mar Napli fejn hemm studja l-mużika filwaqt li ħuħ studja l-mediċina. Il bogħod minn Malta, huma damu mat-tliet snin u tliet xhur – sentejn u tmien xhur minnhom f’Napli u l-kumplament f’Ruma.

Is-sehem tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ kienu tnejn – qassis u għal żmien Maestro di Cappella. Don Pietro Paolo Pullicino ġie ordnat qassis fl-20 ta’ Diċembru 1749.[1] Dun Salv Ciappara jsostni li għal ħafna snin, Pullicino kien Maestro di Cappella f’Ħaż-Żebbuġ, li din turi fuq kollox il-kapaċita artistika tiegħu meta wieħed iqis li matul is-seklu 18, Ħaż-Żebbuġ kellha l-aqwa Maestri di Cappella fosthom Fra Simeone Sciampagna, Fra Giuseppe Sammartino, Don Michel’Angelo Vella, Melchiore San Martin u Francesco Azzopardi b’dan ta’ l-aħħar kellu rabta intima mal-ġenerazzjoni futura fi ħdan il-familja Pullicino.

Don Pietro Paolo Pullicino kien ukoll kompożitur prolifiku ta’ mużika sagra li wħud minnha tinsab arkivjata fil-kunvent tal-Patrijiet Karmelitani fl-Imdina. Fil-fatt, hemm insibu aktar minn 25 kompożizzjoni fosthom il-Messa Vultum Tuum komposta fl-1762 u fl-1765, numru kbir ta’ salmi li l-biċċa l-kbira tagħhom inkitbu bejn is-snin 1762 u 1782 kif ukoll Responsorji għall-Ġimgħa Mqaddsa u t-Turba della Passione di Gesu Cristo komposta fl-1770. Interessanti l-fatt li fuq il-faċċata tal-partitura vokali tal-manuskritt Sancta Mater miktub fl-1763 għal żewġ soprano, Baxx u continuo, insibu deskritt li għax-xahar ta’ Ottubru 1763, kienu saru għall-ewwel darba l-eżerċizzi fil-knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Dawn saru mill-patrijiet Karmelitani Don Giuseppe Farrugia, Don Michele Dimech u Don Lorenzo Zammit. Dan kollu sar bi spejjeż ta’ l-invitati mill-prokuraturi Said, Brignone u DeBonis. Għal waħda minnhom Pullicino kiteb dan ix-xogħol biex ikun esegwit waqt il-Benedizzjoni –

“Per la Benedizione del quale per parte di ditto Michele mi furono richieste cinque Arie di Santa Maria, ed allora avevo composto io Sacerdote Pietro Paolo Pullicino tre Ripieni e delle Arie a solo differenti”.[2] Fost il-frammenti ta’ manuskritti attribwiti lilu, fl-istess arkivju Karmelitan, hemm l-antifona Sacerdotes et Pontifex li nkitbet għall-ingress ta’ l-isqof Labini fl-1781.[3]

Il-familja tan-Nutar Arcangelo Pullicino (iben in-Nutar Mar’Antonio) kienet toqgħod f’dar wara l-knisja parrokkjali u skond l-Istatus Animarum ta’ l-1755, jirriżulta li l-familja kienet tikkonsisti minn Arcangelo, martu Julia u wliedhom Anna Maria, Maria, Don Pietro Paolo, Catarina, Diana, Gabriele, il-kjeriku Giuseppe Maria li mbagħad laħaq qassis u s-serva Maria.[4]

Don Pietro Paolo Pullicino miet fit-8 ta’ Diċembru 1786 fl-eta ta’ 62 sena.

Marianna Schembri – Pjanista miżżewġa fi ħdan il-familja Pullicino

Rabta mużikali mal-familja Pullicino kienet Marianna Schembri bint l-Imħallef Dr Giovanni Battista Schembri, mwielda fl-1793. Fl-1814 hija żżewġet lit-tabib Arcangelo Pullicino li kien iservi f’Ħaż-Żebbuġ. It-tabib Arcangelo Pullicino kien iben Dr Gabriele – ħu l-imsemmi kompożitur Don Pietro Paolo Pullicino.[5]

Huwa magħruf li l-pjanista Marianna Schembri kienet waħda mill-aħjar allievi ta’ l-organista u l-Maestro di Cappella tal-Katidral u ta’ parroċċi oħra Francesco Azzopardi (1748-1809). F’dawk iż-żminijiet, it-tagħlim tal-mużika lill-bniet ma kenitx ħaġa komuni u dawk li kienu jintbagħtu l-lezzjonijiet tal-mużika kienu wlied in-nobbli.

L-abilita naturali mużikali tagħha wasslet biex tkun eċċezzjoni li tkun mgħallma minn Azzopardi peress li dan dejjem għallem is-subien fosthom Nicolo Isouard, Pietro Poalo Bugeja, u l-qassisin Don Giuseppe Burlo, Don Giuseppe Principato u ż-Żebbuġi Don Teodoro Piscopo li dwaru nitkellmu aktar ‘il quddiem. Fuq kollox, Azzopardi kien bniedem b’karattru riservat u skrupluż. Jibqa’ l-fatt ukoll li Marianna kienet bint in-nobbli u lejn tmiem ħajtu, sab fiha faraġ mużikali tant li ħallielha b’wirt il-kompożizzjonijiet sekulari li mas-snin, uħud minnhom spiċċaw arkivjati fl-arkivju tal-Patrijiet Karmelitani fl-Imdina.

Iben Marianna u t-tabib Arcangelo – Mons Dr Paolo Pullicino (1815-1890) fil-kotba tiegħu Breve Notizie della vita del Dr Arcangelo Pullicino (1861) u Notizie Biografico di Francesco Azzopardi (1876), jgħid li Dr Giovanni Schembri (missier ommu), kien jeżerċita l-ġudikatura fit-tribunal ta’ l-Imdina, ftit ‘il bogħod minn fejn kien joqgħod Azzopardi.[6] Mons. Dr Pullicino jkompli jżid li f’qasir żmien, l-abilita ta’ ommu wriet teknika u preċiżjoni fl-akkumpanjament u fl-esekuzzjoni pjanistika [7] Marianna Pullicino mietet fl-eta ta’ 37 sena fl-31 ta’ Marzu 1831.

Don Teodoro Piscopo

Qassis ieħor importanti fl-istorja mużikali ta’ Ħaż-Żebbuġ kien Don Teodoro Piscopo, iben Giuseppe magħruf bħala Ta’ Mario (jew Ta’ Mieri) u Rosa u għex bejn is-sekli 18 u 19 f’dan ir-raħal stess. Dwar ħajtu ftit li xejn inkiteb. Mons. Dr Paolo Pullicino jgħid li Don Teodoro Piscopo studja ma’ Francesco Azzopardi fi żmien Burlo, Principato u Bugeja. Kien magħruf fil-kultura letterarja u jiddeskrevih bħala predikatur kbir ta’ l-idjoma Maltija. Mons. Pullicino jsostni wkoll li kellu l-abilita kbira fil-kompożizzjoni u fil-kant ta’ xogħolijiet sagri. Huwa ġie ordnat qassis fit-28 ta’ Frar 1801.[8]

Fl-arkivju mużikali tal-Katidral ta’ l-Imdina, hemm arkivjat tliet xogħolijiet qosra miktuba minn Don Teodoro Piscopo – żewġ Beatus Vir u Iste est Joannes miktuba għal erba’ vuċijiet fl-1832 għall-festa ta’ San Ġwann Evanġelista li f’dan ir-raħal kien popolari.[9] Fl-arkivju mużikali tal-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ li fil-fatt kont elenkajtu jien stess ftit tas-snin ilu, ma nstab xejn ta’ dan il-kompożitur u wisq anqas ta’ Don Poalo Pullicino.[10]

Fi tfulitu kien joqgħod fi triq magħrufa bħala Ta’ Sac il-Ħodor f’dan ir-raħal filwaqt li mill-Istatus Animarum ta’ l-1793 jirriżulta li familtu kienet tikkonsisti mill-missier Giuseppe, martu Rosa u wliedhom Maria, Teodoro, Gratia u Rosaria.[11] Żgur li lejn l-aħħar snin ta’ ħajtu kien joqgħod fl-inħawi magħrufa bħala Tas-Sikkina, illum Triq Vilhena.[12]

Don Teodoro Piscopo miet lejn nofs is-seklu 19.

Daqqaqa mhux magħrufa

Fost dawk il-mużiċisti mhux magħrufa f’dan ir-raħal kien hemm Don Pietro Callus li kien kontemporanju ta’ Don Pietro Paolo Pullicino li wkoll kien joqgħod ftit bogħod mid-dar tiegħu.[13] Don Salvatore Callus ġie ordnat qassis fis-6 ta’ April 1737 flimkien ukoll ma’ Don Pietro Imbert, l-organista magħruf tal-Katidral.[14]

Fil-purċissjoni tal-festa ta’ San Filep, bejn is-snin 1742 u 1747, insibu lil Don Salvator Callus jagħti servizz vokali u ġieli bis-sehem fid-daqq tal-Viola di Basso.

Mużiċist ieħor mhux magħruf kien Maestro Michele Formosa li kien idoqq il-vjolin. Dwaru u dwar l-abilita mużikali tiegħu ma nafu xejn ħlief storja dokumentata f’wieħed mill-proċessi ta’ l-Inkiżizzjoni Rumana. Fl-4 ta’ Marzu, 1793 kien imsejjaħ biex jidher quddiem l-Inkiżitur Giulio Carpegna (1793-1898) biex jixhed fuq is-sehem tiegħu bid-daqq tal-vjolin fid-denunzja ta’ Salvatore Cauchi magħruf bħala Coppi jew Ta’ Neusu minn Ħaż-Żebbuġ stess f’disprezz lejn il-Knisja Kattolika.

L-istorja teħodna għall-aħħar jum tal-karnival tas-sena 1793. Kollox deher li kien ippjanat meta wara l-ikla ta’ nofsinhar, ċertu Salvatore Coppi ta’ 22 sena kien dar dawra mar-raħal kollu ta’ Ħaż-Żebbuġ riekeb fuq dahar iż-żiemel immexxi minn Baldassare Borg ta’ 20 sena, magħruf bħala Ta’ Dorgmaina. Coppi kien liebes ilbies b’xebħ ma’ dawk ta’ dinjitajiet ekkleżjastiċi fosthom kapott, f’rasu speċi ta’ mitra, f’idu kellu kanna żgħira u l-oħra jagħti l-benedizzjoni lill-poplu preżenti. Miegħu kellu jakkumpanjawh ċorma Żebbuġin uħud minnhom bil-maskri

Salvatore Coppi in compagnia d’altre persone in maschera, e parte senza, sali sul detto Cavallo con una cosa in sesta fornata di pelle di conigli fatta a modo di mitra con un capotto alla roverscia tutte spalle, e teneva una canna in mano e coll’altra si mise a benedire il popolo mentre andava in giro per il Casale” xehed Baldassare Borg.

Maestro Michele Formosa ta’ 33 sena, magħruf bħala Tal-Misħut jew Ta’ Inirozz (forsi għax missieru kien jismu Indri) kien fuq quddiem nett ħdejn Coppi, bid-daqq tal-vjolin li ta’ dan is-servizz kien tħallas – “…che dovesse esser pagato del mio incommodo”. Sew Coppi kif ukoll Michele Formosa kienu arrestati u mwissija bil-kbir.

F’dan il-każ, jissemmew ukoll it-tabib Antonio Palma u Don Giuseppe Schembri fost l-oħrajn li kienu magħrufa f’Ħaż-Żebbuġ[15]

Jidher li wħud minn dawk preżenti kienu joqogħdu fl-istess inħawi ta’ xulxin, tant li fl-iStatus Animarum ta’ dik is-sena, il-familja tal-qassis Don Giuseppe Schembri, Maestro Michele Formosa, tat-Tabib Antonio Palma kif ukoll iż-żagħżugħ Salvatore Coppi li kien jgħix waħdu, huwa konferma kemm dawn kienu ġirien.

F’dan l-istess ċensiment, il-familja ta’ Michele Formosa, iben Andrea u Valentia, tikkonsisti minn martu Rosa u wliedhom Maria, Giuseppe u Andrea.[16]

Aktar dwar il-karriera dilettanteska ta’ Formosa ma nstab xejn. Jibqa’ l-fatt li dan kien sempliċiment dilettant illitterat. F’dawk iż-żminijiet, kien hawn numru konsiderevoli ta’ daqqaqa dilettanti fl-irħula fosthom ċertu Feliciano magħruf bħala Cale mis-Siġġiewi li kien nieqes mid-dawl u kien idoqq il-vjolin fil-ħanut tax-xorb ta’ Paolo Gauci qrib il-knisja parrokkjali ta’ l-istess raħal.[17]

Daqqaqa tal-Fifra u t-Tanbur

Għalkemm ‘il bogħod mill-port, Ħaż-Żebbuġ kellu numru mdaqqas li kienu jagħtu servizz fuq ix-xwieni ta’ l-Ordni. Ġeneralment, din is-sengħa kienet tintiret u familji sħaħ kellhom il-ħobża ta’ kuljum minn fuq il-baħar. Familja Żebbuġija li minn ġenerazzjoni għal oħra baqgħet taqla’ l-għixien mis-servizz fuq dawn ix-xwieni kienet dik ta’ Genuis.

Constantino Genuis, iben Gio. Domenico u Maruzza għamel xi żmien idoqq il-fifra fuq in-Nave S .Catarina ta’ l-Ordni. Huwa kien daħal b’dan is-servizz meta kellu 15-il sena fis-sena 1718. Minn dokument ta’ l-istqarrija ta’ I-Istat Liberu tiegħu qabel dan iżżewweġ lil Margerita Genuis li t-tnejn kienu Żebbuġin u jaħdmu fuq l-istess nave bħala muzzo u baħri rispettivament. Kollha kienu llitterati.[18]

Anke Giovanni Genuis, iben Constantino u Skolastika, imwieled il-Belt Victoria kien jaqla’ l-għixien tiegħu mis-servizz tad-daqq tal-fifra fuq in-nave S. Antonio u S. Zaccharia.[19] Fl-1793, il-familja ta’ Giovanni Genuis, martu Giovanna u t-tliet ulied insibuhom jgħixu fl-istess inħawi ta’ Salvatore Coppi, Maestro Michele Formosa u t-tabib Antonio Palma msemmija aktar qabel.[20] Bħal misssieru, Giovanni kien illitterat.

Id-daqq fuq ix-xwieni ma kienx biss dak tat-tnabar u l-fifri. Kien hemm numru ta’ daqqaqa tat-trombi, oboe u klarini u dak li kien iżomm ir-ritmu tal-qdif. L-Ordni ta’ San Ġwann minn dejjem ħabrek li jiġu mgħallmin dawn l-istrumenti lil kull min ikun irid, saħansitra lin-nies taċ-ċorma u l-iskjavi. Dawn kienu jingħaqdu flimkien u jagħtu sehemhom f’xi okkażjoni speċjali u dik rikreattiva. Maż-żmien, din ix-xorta ta’ mużika bdiet taqbad ukoll l-art f’okkażjonijiet ta’ ferħ, festi u purċissjonijiet. Ir-reġimenti, il-flotta u kull xini kellhom il-banda tagħom kif fil-fatt kienet l-armata Torka. Ma kenitx xi banda b’ħafna strumenti, iżda kienet biżżejjed biex taqdi l-ħtiġijiet ta’ l-istess xini kif ukoll f’ċirkustanzi mhux tas-soltu. Kienu jindaqqu t-tnabar u strumenti oħra biex jingħata sinjal, jinżamm ir-ritmu tal-qdif u f’okkażjonijiet ta’ ferħ. Dwar dan, jikkonfermah Antonio Bosio (Dell’Istoria della Sacra Religione et Ill.ma Militia di S. Giovanni Gerosolimitano, Tomo III p.138) fejn jagħtina deskrizzjoni x’sab il-Granmastru Pierino del Ponte meta fl-1534 tela’ fuq il-galera.

Żgur li bħall-ibliet u l-irħula l-oħra, Ħaż-Żebbuġ kien minn ta’ quddiem biex iġib numru żgħir ta’ daqqaqa għas-sehem fil-purċissjonijiet, l-aktar dawk prinċipali. Matul is-seklu 18, l-aktar fit-tieni nofs tiegħu, l-attivita mużikali esterna fil-festi liturġiċi, kienet tikkonsisti f’mużikata fil-purċissjoni bil-mant tal-mutetti u innijiet esegwiti mill-istess mużiċisti u kantanti li kienu jagħtu s-servizz intern fiċ-ċelebrazzjoniji liturġika taħt id-direzzjoni tal-Maestro di Cappella kif fil-fatt issemma li għamel Don Salvatore Callus bejn l-1742 u l-1747.

Barra l-mużiċisti msemmija, kien ikun hemm is-sehem tad-daqqaqa tat-tanbur u l-fifra u maż-żmien, daħlet id-drawwa wkoll tas-sehem tad-daqqaqa tat-trombi, klarini u oboe li n-numru tagħhom kien ivarja bejn ħamsa u sebgħa.[21] Kienet drawwa li dawn id-daqqaqa kienu jinġiebu mill-Belt u mill-viċinanzi tal-port, liema daqqaqa kienu jgħixu b’servizz li kellhom fuq ix-xwieni ta’ l-Ordni.

Fl-1781, l-element mużikali profan fil-purċissjoni ta’ San Filep kienet komposta minn żewġ klarinetti, żewġ korni u fagot li bejniethom tħallsu ħames skudi. Għall-istess festa ta’ l-1790, id-daqqaqa kienu disgħa li tħallsu madwar seba’ skudi. Dawn id-daqqaqa kienu jitħallsu mill-fond tal-Veneranda Lampada. Ġieli wkoll li l-poplu Żebbuġi jew il- fratellanza rispettiva kienet ukoll tħallas għal dawn id-daqqaqa. Fil-fatt, fl-1797, il-knisja kienet ħallset lill-fratellanza ta’ San Ġużepp bħala parti mill-ħlas mogħti lid-daqqaqa tat-tnabar u l-fifra. Il-ħlas għad-daqqaqa tal-banda l-oħra (dawk id-daqqaqa tat-trombi, klarini, eċċ.) kien dovut mill-fond tal-fratellanza nnifisha.

Jidher li l-attivitajiet mużikali f’dan ir-raħal kellhom sehem importanti fl-era tal-Granmastru Emmanuel De Rohan (1775-1797). Bla dubju, waħda mill-akbar festi li ra Ħaż-Żebbuġ kien meta dan il-Granmastru żar dan ir-raħal. Dan seħħ fit-12 ta’ Mejju 1776, festa ta’ San Filep. Għal din l-okkażjoni nbena ark trijonfali ta’ l-injam fuq disinn tal-magħruf Rocco Buhagiar. Fis-sena ta’ wara, Ħaż-Żebbuġ ingħata l-unur ta’ Citta Rohan. Dun Salv. Ciappara jsostni li b’dan l-unur mogħti, wassal liż-Żebbuġin biex jintroduċu l-parteċipazzjoni tal-banda fil-purċissjoni.

Mitejn sena ilu, Citta Rohan kellha festi kbar. Fil-festa ta’ San Filep, ġie inawgurat il-bieb ta’ De Rohan. Il-Granmastru ta’ dak iż-żmien, Hompesch kien preżenti. Ħdejn il-Porta di Pieta, iż-Żebbuġin taw merħba kbira lill-principe u wara l-inawgurazzjoni kienu meħuda u mdawra mat-toroq tar-raħal proċessjonalment taħt kanupew akkumpanjati mill-banda. Fil-Knisja parrokkjali ta’ San Filep kienet ġiet iċċelebrata quddiesa u Dun Alessandro Thei, kanonku tal-Katidral kien niseġ il-priedka ta’ l-okkażjoni. Wara t-Te Deum, ħarġet il-purċissjoni. Kienu preżenti l-Isqof Vincenzo Labini, il-Gran Kunsill u s-Senat ta’ l-Imdina.

F’dak il-jum, Ħaż-Żebbuġ kien festa kbira. Numru ta’ suldati daqqaqa tat-tnabar u fifri u baned lokali ħadu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, festi li lill-knisja kienu qamulha mal-127 skud.

Żmien il-Franċiżi

Fi żmien l-imblokk kontra l-Franċiżi, iż-Żebbuġin kellhom iħarsu l-witgħa ta’ San Ġużepp (illum il-Ħamrun) kif ukoll kellhom f’idejhom il-Għolja magħrufa bħala tas-Samra, post l-aktar importanti minħabba l-qagħda strateġika tagħha fil-mixi ‘l quddiem għas-suċċess ta’ dan l-imblokk. Il-kontinġent fil-kamp tas-Samra kien magħmul minn Żebbuġin u Siġġiwin. Minn manuskritt interessanti Battaglione di Casal Zebbug di Guarnigione dell’Samra, miktub fl-10 ta’ Novembru 1799 jagħti stampa dettaljata tal-kontinġenti Żebbuġi f’din l-istrateġija. Fl-ewwel paġna, insibu lista ta’ uffiċjali għolja fosthom Dun Anton Baldacchino, it-tabib Anton Muscat, Andrea Pavia – l-ajjutant tal-kmandant, Gio. Andrea Trevisan, Antonio Attard, Giuseppe Agius, Filippo Attard u Luigi Zarb.

L-aħħar paġna hija fost l-aktar interessanti għall-kuntest mużikali fejn hemm imniżżel l-isem tas-surmast jew aħjar magħruf f’dawk iż-żminijiet bħala Capo Banda Giuseppe Calabrese u l-11–il bandist li jinkludu żewġ daqqaqa tat-tanbur.

Id-daqqaqa kienu dawn: Luigi Galea (strument mhux speċifikat), Pasquale Galea, Vincenzo Bertucci, Gio. Bata Madiona, Pasquale Buttigieg ilkoll idoqqu l-klarinett filwaqt li Giuseppe Carbonese, Ferdinando Bonnici, Antonio Bonnici, Antonio Arrighi kienu jdoqqu t-tromba. Iż-żewġ daqqaqa tat-tambur kienu Giuseppe Psaila u Antonio Dodo.

Minn studju li sar s’issa ma jidhirx li kien hemm xi banda oħra fil-kampijiet li kienu qegħdin jiċċirkundaw il-Belt u t-tlett ibliet tal-Kottonera. Lanqas fil-kamp ta’ San Ġużepp.

Biss, jirriżulta li mill-iStatus Animarum ta’ Citta Rohan jew dak tas-Siġġiewi u tan-Naxxar li ssemmew b’rabta ma’ dan il-battaljun, li jkopru l-aħħar snin ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta kif ukoll l-ewwel snin ta’ l-imperu Ingliż f’pajjiżna, ma nsibux l-ismijiet kollha ta’ dawn id-daqqaqa. Żgur li familji b’kunjomijiet bħal Arrighi, Dodo, Carbonese, Bertucci u Calabrese ma kienx hemm la f’Ħaż-Żebbuġ u lanqas fis-Siġġiewi u fin-Naxxar. Dawn il-kunjomijiet kienu l-aktar komuni fil-Belt u fil-Kottonera. B’hekk jirriżulta li din il-banda għalkemm kellha sehem fil-kamp tas-Samra, ftit setgħu kienu dawk id-daqqaqa Żebbuġin u għalhekk diffiċli biex toħroġ konklużjoni li din kienet l-ewwel banda ffurmata miż-Żebbuġin.

Huwa magħruf li dixxendenti tagħhom, insibuhom jagħmlu parti mit-twaqqif tal-Banda ta’ San Filep minn nofs is-seklu 19 ‘l hawn. Dan jidher fil-familji Galea, Bonnici, Calabrese, Buttigieg, Psaila u Carbonese.

Dan huwa biss ftit tagħrif dwar il-mużika, mużiċisti u daqqaqa Żebbuġin li tul is-seklu 18, għamlu lil Ħaż-Żebbuġ storja tassew valida fil-qasam nazzjonali. Nemmen li matul l-aħħar seklu ta’ l-Ordni f’Malta, Ħaż-Żebbuġ offra ferm mużiċisti u daqqaqa li għalkemm s’issa baqgħu mhux magħrufa, żgur li s-sehem tagħhom kien imfittex u milqugħ fil-ħajja soċjo-kulturali ta’ dak iż-żmien.

Noti u Riferenzi

1 C.E.M.Acta Originalia Vol.315 (1761) f.372

2 C.E.M.Reg. Ord. 21 f.362v Miegħu, wkoll ġie ordnat qassis ieħor li kien mużiċista – l-organista ta’ l-Isla Don Baldassare Marchesan.

3 Arkivju Mużikali tal-Patrijiet Karmelitani, Mdina Mus. Ms. 184

4 Ibid., Mus. 194A

5 C.E.M. Status Animarum Vol. 2 Terra Żebbuġ 1755 f.14; Skond dawn ir-reġistri, l-etajiet ġeneralment ma kinux korretti. F’dan iċ-ċensiment, l-etajiet kienu mniżżla hekk: Arcangelo (60 sena), Julia (52), Anna Maria (36), Maria (34), Don Pietro Paolo (28), Catarina (24), Diana (23), Gabriele (17), il-kjeriku Giuseppe Maria (15) u s-serva Maria (24)

6 Dr Gabriele Pullicino studja l-mediċina fl-Universita ta’ Napli u kien miżżewweġ lil Catarina. Binhom, it-tabib Arcangelo studja fis-Seminarju ta’ Malta u fil-Collegio Romano u l-mediċina fl-Universita ta’ Napli. Arcangelo kien bniedem ta’ karita fejn iddistingwa ruħu partikolarment waqt l-epidemija tal-Pesta ta’ l-1813. Ħa sehem attiv fil-politika fejn ġie elett fil-kunsill tal-Gvern taħt il-kostituzzjoni ta’ l-1849. Kien ukoll benefattur kbir għall-Knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ.

7 Francesco Azzopardi kien joqgħod fi Strada del Salvatore Manduca, qrib il-knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali fir-Rabat.

8 Fost ulied it-tabib Arcangelo u Marianna kien hemm Mons. Dr. Paolo Pullicino (Valletta, 1815-1890). Aktar tard, Mons. Pullicino kien sawwar studju interessanti dwar l-antenati tal-familja ta’ missieru kif ukoll tal-kompożitur Francesco Azzopardi. Huwa jibqa’ l-aktar magħruf fl-istorja ta’ l-Edukazzjoni f’pajjiżna. L-aħħar żmien ta’ ħajtu, għaddieh f’Ħaż-Żebbuġ.

9 A.A.M. Reg. Ord. (1780-1806), Labini f.155 (enumerazzjoni ġdida), f.183 enumerazzjoni qadima. F’dawk iż-żminijiet, f’Ħaż-Żebbuġ kien hemm żewġ qassisin oħra b’dan il-kunjom – Don Paolo u Don Giuseppe li t-tnejn kienu jservu fil-kleru ta’ dan ir-raħal.

10 A.C.M. Mus. Mss. 1706, 1707, 4352.

11 L-unika kompożizzjoni ta’ ċertu Don F. Piscopo hija l-Libera għal Sopran, Tenur, Baritonu u Baxx. Ma ġġib l-ebda data meta nkitbet. A.P. Ħaż-Żebbuġ, Mus. Ms. 81.

12 C.E.M. St. Anim. Vol. 26, 1793 (Citta Rohan), f. 8v. L-etajiet imniżżla kienu Giuseppe (48 sena), Rosa (54), Maria (26), Teodoro (18), Gratia (15), u Catarina (10); A.I.M. Proc. Crim. Vol. 136A ff. 252-257v.

13 The Malta Government Gazette, 30th April 1852 No. 1731 – secondo Sindaco compagna-Ottavo Distretto: lista b’suġġett għar-reviżjoni tal-persuni li huma klassifikati biex jivvotaw fl-elezzjoni tal-membri biex iservu fil-kunsill tal-Gvern ta’ Malta p. 77.

14 Skond l-iStatus Animarum ta’ l-1755, fid-dar fejn kien joqgħod Don Salvatore Callus, kien hemm ukoll jabitaw ħuh Pietro u martu Diana u erba’ wlied. C.E.M. St. Anim. Vol. 2 (1755) Terra Żebbuġ, f.14v.

15 C.E.M. Reg. Ord. Vol. 21 ff.172v, 173.

16 A.I.M. Proc. Crim. Vol. 136A case 12, ff.105-116 – riferenza mgħoddija lili minn Tony Camenzuli.

17 C.E.M. Stat. Anim. Vol. 26 (1793) Citta Rohan, f.6v.

18 A.I.M. Proc. Crim. Vol. 135B case 254, f.469 – riferenza mgħodija lili minn Tony Camenzuli.

19 C.E.M. Acta Orig. Vol. 748 (1721), ff.51-52v.

20 Ibid., Vol. 811 (1767), f.86; Vol. 991 (1762) f. 127

21 Il-familja ta’ Giovanni Genuis kienet tikkonsisti minn martu Giovanna u wliedhom Constantino, Philippo u Salvatore. C.E.M. St. Anim, Vol. 26 (1793) Citta Rohan, f.6v.

22 F’ċerti rħula, in-numru kien ukoll kbir għal 15-il persuna li ġenerlament kienu jqoqqu quddiem l-istatwa.

Biblijografija

Ciappara Dun Salv: Storia del Zebbug e sua Parrocchia (1882).

Galea Michael: Grand Master Emanuel De Rohan (1775-1797); (Żebbuġ Local Council Publications).

Pullicino Prof. Mons. Paolo: Breve Notizie della vita del Dr Arcangelo Pullicino (1861) u Notizie Biografico di Francesco Azzopardi (1876).

Testa Carmel: The French in Malta (1798-18000, (Midsea Books, 1997).

The Fleet of the Order of St. John (Mireva).

Caruana Dun. Salv: Il-Palk Skorfina (Programm tal-Festa s. Filep, maħruġ mill-Banda 12th May, 1997).

D’Anastas Noel: Francesco Azzopardi (1748-1809) Maestro di Cappella fil-Mosta (Soċjeta Nicolo Isouard, Mosta 1995).

Ibid.: L-attivita mużikali tal-Festa ta’ San Ġużepp fis-snin Sittin tas-seklu 18 (Leħen il-Komunita Ġużeppina, Rabat 1996, 1997).

Ibid.; Artikli dwar il-ħajja u l-karriera mużikali ta’ Don Michel’Angelo Vella; In-Nazzjon Tagħna 28/2/1994. In-Nazzjoni, 21 u 28/3/1994.

Mifsud Matrenza Joseph: Il-Ħamrun fl-imgħoddi u l-ewwel banda li daqqet fih (Festa San Gejtanu 1992, Għaqda Mużikali San Ġużepp, Ħamrun).

Vella Bondin Joseph: Artikli dwar il-Calendimagio, il-ħajja u l-karriera mużikali ta’ Don Michel’Angelo Vella: The Sunday Times 15u 29/5/1994.

ibid.: Dun Pietro Pawl Pullicino (1725-1786);Mużiċista u Kompożitur Żebbuġi (Programm tal-Festa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ maħruġ mill-Kumitat Każin San Ġużepp u Banda De Rohan, 1996).

Ħarsa lejn il-Banda San Filep u Ġrajjietha (Każin Banda San Filep, Festa 1993) pp. 55-61.

Ħajr: Kummissjoni Mużew tal-Katidral, Mdina, Frederick Aquilina, Tony Camenzuli, Dun Salv Caruana, John A. Manduca, Raymond Saliba u Tony Terribile.

© Noel D’Anastas, Lulju 1999.

IL-Festa fl-Imgħoddi u Llum

minn Horace Muscat

(President Onorarju, Għaqda tal-Mużika San Gejtanu – Ħamrun)

Kull min bħali, għal parti kbira ta’ ħajtu, kien jokkupa karigi uffiċjali fil-kumitat ta’ Għaqda Mużikali kif ukoll għamel riċerka fuq l-Għaqda li minnha jifforma parti żgur li matul iż-żmien iltaqa’ ma’ kif kienu jiġu organizzati l-festi tagħna matul is-snin, kif ukoll ma’ l-iżvilupp ta’ pajjiżna kif ukoll tal-poplu Malti.

Il-festa tagħna hija maqsuma f’dik ta’ ġewwa l-Knisja u dik esterna. Għal dan kollu hemm bżonn l-element finanzjarju li jirregola diversi attivitajiet u li magħhom allaħares ma jkollokx il-volontarjat għax dan huwa imprezzabbli. Dan irid ikun f’kollox u kullimkien, kemm f’dak li huwa armar ġewwa l-Knisja kif ukoll barra, u dawn jerġgħu jinqasmu f’diversi elementi kif forsi sejrin ukoll naraw aktar ‘il quddiem.

Ġewwa l-Knisja għandek preparamenti bi tħejjija minn ġimgħat sħaħ qabel il-festa, bħat-Tridu, Transulazzjoni, Pontifikal, Paniġierku, Purċissjoni eċċ.

Hawn jien naħseb li l-aktar tibdil li sar fost affarijiet oħra li huma apprezzati mill-poplu huwa li l-ġimgħat ta’ preparazzjoni għall-festa, minbarra li jkunu ta’ interess, qegħdin ikunu ddedikati liż-żgħażagħ, tfal tal-parroċċa, għaqdiet reliġjużi, għaqdiet oħra tal-lokal bħal dawk sportivi, mużikali, ta’ l-anzjani, emigranti, min iġib l-isem tal-qaddis li niċċelebraw il-festa tiegħu u oħrajn.

Ħaġa oħra li hija apprezzata wkoll hi l-quddiesa li ssir għall-morda, ġeneralment lejlet il-festa, ħalli jkollhom ix-xorti li jqimu lill-patrun jew qaddis li tiegħu jkunu devoti, l-aktar jekk ma jkunux f’dak iż-żmien tal-festa joqogħdu fil-lokal u jkunu rekoverati ġewwa xi dar ta’ l-anzjani.

Fil-Paniġierku llum naqas ħafna minn dak id-diskors bil-Latin, li meta ma kienx jerġa’ jingħad bil-Malti ma kienx jiftiehem mill-maġġoranza tan-nies.

Fl-antik in-nies kienu jkunu aktar moħħhom f’kemm–il darba l-qassis isemmi lil min kien qiegħed issirlu l-festa b’ismu, u erħilhom isemmgħu n-numri.

Illum il-Pontifikal ma għadux isir sakemm ma tkunx xi ħaġa straordinarja, mhux bħal qabel li kien ikun aktar spiss. Fil-Gżira ta’ Għawdex għadu jsir f’kull festa minħabba li l-festi jsiru fi ġranet differenti f’kull parroċċa, mentri f’Malta meta jkollok numru ta’ festi f’salt, minħabba li żdiedu numru sewwa ta’ parroċċi, mhux faċli sabiex dan isir.

F’Malta, problema oħra tkun għall-orkestra, Maestro di Cappella, bandisti u vuċijiet għall-jiem tal-festa. Din l-aktar li taffettwa hu lill-parroċċi l-ġodda, għax min ilu stabbilit għal snin twal ma tantx taffettwah. Anzi fil-preżent m’għandniex dawk il-kwistjonijiet dwar min ikun il-Maestro di Cappella bħal ma nafu fi żmien Mro Nani u Mro Bugeja kif ukoll oħrajn.

Illum f’ċertu lokalitajiet naqset għaliex ċerti postijiet għandhom Maestro di Cappella mill-istess lokal jew xi ħadd li jkun imexxi l-kor, kif ukoll minħabba l-fatt li żdiedu ħafna nies kwalifikati minn pajjiżi barranin li jagħmlu unur lil pajjiżna.

Tajjeb li wieħed jgħid li, sakemm ma jkunx jinteressaw irwieħhom, ħafna nies lanqas biss jafu kif kienet tkun il-mixegħela għal jiem il-Festa. Li huwa żgur hu li kienet issir biż-żejt tant li f’xi lokalitajiet għadek tara l-imsiemer jew xi armar li kien jintuża biex magħhom jitwaħħlu reċipjenti taż-żejt bħal xi ark.

Tajjeb li jingħad li dawn kienu jridu jimtlew kuljum kif ukoll jinxtegħlu kuljum u meta jkun ir-riħ, x’riżultat kien iħalli warajh minbarra t-tbatija ta’ min kien inkarigat!

Imbagħad kellna wkoll l-użu ta’ l-aċitilena li l-aktar li kien jintuża kien biex jiġi provdut dawl sabiex ikunu jistgħu jiġu esegwiti l-programmi mill-Baned tagħna. Min għandu ċertu eta’ żgur jiftakarhom jintużaw l-aktar mill-bejjiegħa tal-qubbajd sa anke wara l-aħħar gwerra dinija.

Il-gass ma kienx xi ħaġa li kienet tintuża mil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex għax dan ma kienx mifrux mal-lokalitajiet li kienu ‘l bogħod mill-Marsa fejn kien jiġi prodott (Town Gas). Jekk ma niżbaljax, din is-sistema ilha li spiċċat mat-tletin sena u minflokha daħlu ċ-ċilindri li nużaw illum. Biss, fejn twelidt jien, lil missieri nisimgħu jsemmi li l-ħanut li kellu kien jiġi mdawwal bil-gass. Barra minn Malta, speċjalment fl-Ewroa, hemm fejn għadhom jużawh u ġieli nisimgħu wkoll b’xi diżgrazzji.

Id-dawl ta’ l-elettriku jew kif inhu magħruf ukoll (luċilettrika) beda f’ Malta ġewwa l-Belt Valletta, Floriana u l-Kottonera i.e. l-Isla, Bormla u l-Birgu fis-sena 1894. Wara, kellhom jgħaddu diversi snin biex dan beda jiġi introdott f’lokalitajiet oħra. L-offerti għal dawn il-ħames lokalitajiet kienu jvarjaw minn 29,508.18.6 sa 34,660.0.0 liri. Tistgħu taħsbu kemm –il sena damet tkarkar biex wasal id-dawl elettriku ma’ Malta u Għawdex kollu.

Biex wieħed ikollu idea tal-Festa ta’ San Gejtanu fis-snin ta’ bejn 1914/18 (meta kien jingħata permess għax kienet il-gwerra), din kienet tkun illuminata biż-żejt, gas u elettriku. Wieħed ma jridx jinsa li l-Ħamrun jinsab qrib ħafna, anzi jmiss mal-Marsa minn fejn kien isir il-Gass kif ukoll l-elettriku. B’hekk wieħed jista’ jara x’tibdil sar maż-żmien. Għal ħafna li qegħdin jaqraw dan l-artiklu, din hija aħbar ġdida. Għal uħud li għandhom ċertu eta’ u li setgħu laħqu ż-żmien tal-lampa tal-pitrolju, jaf x’differenza. Għal ta’ l-ewwel nista’ ngħidilhom, “Immaġinaw meta jinqata’ d-dawl u tagħmel xi ftit ħin twil b’lampa jew tal-pitrolju jew tal-gass”.

Xi ħaġa oħra li nbidlet maż-żmien u li min għad għandu eta’ żgħira lanqas biss jobsor biha, huwa l-ilbies li wieħed illum jilbes għall-okkażjoni tal-festa. Ftit għexieren ta’ snin ilu, il-maġġoranza tal-poplu kien iżanżan il-ħwejjeġ għal jum il-festa bħal ma huwa ġlekk, qmis, qalziet, żarbun eċċ. Dan jiena nafu anke mill-esperjenza għax missieri kellu ħanut u meta kien ikun hemm festi fil-lokalitajiet tal-viċin, il-bejgħ kien jiġi affetwat anke meta s-Sibt jinzerta bix-xita. L-ilbies fl-jum tal-festa ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dak li naraw illum. Għall-marċ ta’ filgħodu, l-irġiel kienu jilbsu beritta, kappell (tar-ross, tat-tibna jew tal-pannu), bil-ġlekk, ingravata jew bis-sidrija. Dan mhux kif naraw illum, bil-qmis biss. Il-qalziet kienu jilbsuh twil għax ix-shorts ma kienx jintlibes u kienu jilbsu jew żarbun jew l-aktar sandli u f’xi lokalitajiet anke l-qorq kif ukoll ħafja.

Tajjeb wieħed isemmi li ftit kienu jkunu dawk li jżanżnu xi libsa kull sena. Ġeneralment min kien jilbes libsa kienet tintlibes fit-tieġ, f’xi magħmudija, fil-Festa jew f’xi funeral. Ma ninsewx li l-flus kienu skarsi ħafna u l-qliegħ kien baxx tassew.

Mill-banda l-oħra, in-nisa kienu jilbsu l-onnella, il-maġġoranza tagħhom jagħmlu xagħarhom toppu u min kien ikollu xi ħaġa tad-deheb bħal xi barbazzal li kienu jkunu wirtu, kienu jilbsuh għall-festa.

Il-Baned tagħna wkoll kien ikollhom l-uniformi bajda u kienet tkun biċċa xogħol iebsa għan-nisa u l-ommijiet sabiex jillamtawhom qabel kull programm. Kienu jnaddfu wkoll il-cover tal-beritta u l-buttuni għad li dawn kienu tan-nickel. Kulħadd kien ikollu l-arma ta’ l-Għaqda jew tas-Soċjeta’ tiegħu u l-buttuni kien ikollhom lira tal-mużika. Kien hemm ukoll min kellu l-arma tiegħu filwaqt li xi ftit kellhom ukoll uniformi oħra għax-xitwa, dan meta tqis li l-flus kienu skarsi ħafna. L-uniformi preżenti tal-baned tikkonsisti f’beritta, badge, spalletti, lazz, qmis bajda u qalziet iswed. Jekk ma żżommx ċertu dixxiplina, il-banda tisfaxxa fix-xejn u għalhekk bla ma trid tinduna kemm kienu nies ta’ sagrifiċċju l-bandisti ta’ qabel u kemm kienu aktar leali. Dan meta tqis li l-flus ġieli kienu joħorġuhom huma mill-ftit li kellhom.

Barra minn dan kienu jagħmlu sagifiċċji kbar. Huwa veru li ħafna mix-xogħol li kienu jagħmlu huwa totalment differenti minn dak ta’ llum kif ukoll il-ħinijiet tax-xogħol, iżda ma ninsewx li kien hemm żmien meta kienu jridu jagħmlu għoxrin programm biex jingħataw permess għal-lotterija li kien id-dħul prinċipali ta’ l-Għaqda jew Soċjeta’.

Wasalna issa biex insemmu kif kien isir il-briju għall-ġranet tal-festa li normalment kien jibda mill-ewwel Ġimgħa li kienet issir qabel il-festa. Il-ġurnata kienet tvarja minn qaddis/a jew titular tal-Madonna (Novena) u anke minn lokal għal ieħor. Imbagħad fl-okkażjoni tal-ħruġ ta’ l-istatwa min-niċċa, il-baned kienu wkoll idoqqu.

Il-ġranet tal-festa ġeneralment kienu jibdew mill-aħħar Tridu b’xi statwa lit kun akkumpanjata mill-banda sa ma tittella’ fuq il-kolonna, ġeneralment waqt li jindaqq l-innu fost il-briju tan-nies.

Lejlet il-festa kien isir il-marċ alla Veneziana. Għal dan il-marċ kienu jsiru palijiet bl-isem tal-marċi, jew titli lil min qiegħda tiġi ċċelebrata l-festa li kienu jkunu mixgħula bix-xemgħa. Aktar tard ix-xemgħa nbidlet mal-batteries biex la jinħarqu u jkunu jistgħu jintfew dawn il-palijiet (fanali). Magħhom kien ikun hemm ukoll numru sew ta’ fanali tal-karti (Chinese lanterns) ta’ diversi forom li ġieli kienu jintrabtu flimkien u jiddendlu ma’ lista ta’ l-injam mimduda.

Għadda ż-żmien u minflok bdew jidhru xi ftit bnadar bil-kulur ta’ l-Għaqda. Magħhom bdew jiżdiedu sewwa n-numru ta’ bżieżaq sakemm maż-żmien daħlu wkoll bnadar kbar bl-arma ta’ l-Għaqda jew tas-Soċjeta’ fuqhom kif ukoll żdiedu fin-numru u fil-kobor tant li llum kważi saret problema biex timxi bihom. Dawn l-affarijiet, minbarra li fihom l-arti, fihom ukoll spejjeż kbar meta wieħed jagħmilhom.

Minn sena għal oħra l-festa dejjem ikun fiha x’tara. Tista’ tapprezza l-ħila u x-xogħol artistiku kif ukoll prestiġjuż ta’ l-arti f’dik li hija pittura, statwi, dawl u affarijiet oħra li uħud minnhom hija ħasra li jispiċċaw u ma tkunx tista’ terġa tużahom.

Niġu issa għall-marċ ta’ nhar il-festa filgħodu. Għal dan il-marċ kulħadd kien jilbes kif semmejna qabel. Maż-żmien ma baqgħux jinħarġu l-istandardi kollha li kien ikollha kull Soċjeta’ jew Għaqda bħal ma huma dawk Malti, Ingliż, Amerikan, tal-Papa, imbagħad żdiedu dawk ta’ ħutna l-emigranti fl-Awstralja u l-Kanada.

Barra minn dawn, kien ikollok dejjem aktar minn standard wieħed ta’ l-Għaqda nnifisha li mhux l-ewwel darba li ġralu l-ħsara meta kien jispiċċa jixxejjer ‘l hawn u ‘l hinn waqt il-marċ. Imbagħad daħlet id-drawwa li l-partitarji jkollhom imkatar żgħar li ġieli qassamna aħna stess sabiex inżidu mal-kulur tas-Soċjeta’. Dawn ukoll maż-żmien bdew jiżdiedu fil-kobor tant li minn maktur żgħir ma’ l-għonq sar jgħatti d-dahar kollu. Żdiedu wkoll l-ingravati bl-arma fuqhom u bil-kulur ta’ l-Għaqda.

Xi ħaġa oħra li llum m’għadhiex issir huma l-palijiet żgħar biex trewwaħ bihom u li fuqhom kien ikun hemm l-ismijiet tal-Marċi u tal-kompożitur. L-istess l-imkatar tal-karti li kienu jitqassmu jew jintrefgħu u li kien ikun fihom xi poeżija. Kienet drawwa wkoll li jingħadu xi sunetti iżda dawn illum naqsu ħafna u minflokhom isir xi diskors għal mat-ton tal-marċi.

Dan il-ktejjeb li għandek f’idejk, li qiegħed taqra bħalissa u li jinħareġ għall-okkażjoni tal-festa, beda jinħareġ wara l-aħħar gwerra. Ħafna minnhom ma kenux joħorġu regolarment minħabba l-ispejjeż involuti. Fil-bidu kienu joħorġu bi ftit folji, l-aktar li kien ikun fih fil-qoxra kienet stampa tal-Patrun/a tal-Festa li qiegħda tiġi ċċelebrata. Imbagħad wara kien ikun hemm il-Kumitat, il-programm li sejra tesegwixxi l-Banda, l-Innu bil-versi tiegħu u ġeneralment il-Programm tal-Festa ta’ Ġewwa u l-Baned mistiedna. Għal xi żmien dawn il-kotba kienu joħorġu f’xi okkażjoni ta’ xi anniversarji biss.

Bħal ma jaf kull min huwa midħla ta’ Għaqdiet Mużikali, il-ġbir għall-festi jvarja minn lokal għal ieħor. Hemm min joħroġ jiġbor mit-toroq u l-flus jinġabru għal diversi għanijiet fosthom il-banda, nar, dawl, pavaljuni, knisja eċċ. F’dan ir-rigward ukoll hemm varjazzjonijiet bejn lokal u ieħor. Hemm lokalitajiet fejn il-Parroċċa tagħti għajnuna finanzjarja lill-banda filwaqt li oħrajn jagħmlu l-ispejjeż tal-banda huma stess. Oħrajn jiġbru għall-baned, biss dawn jidħlu wkoll għall-ispejjeż tan-nar, baned li jinġiebu għall-festa kif ukoll l-armar li normalment jew ikun propjeta’ ta’ l-Għaqda jew jinqasam bejn il-Knisja u l-Għaqda jew is-Soċjeta’. Biss tajjeb li wieħed isemmi li banda li kont iġġibha bi Lm30 illum trid LM300 biex tagħtik servizz. Madankollu, ħafna baned meta jmorru jdoqqu jitilfu l-flus ukoll, dan fi żmien 40 sena.

Il-marċ magħruf bħala ta’ filgħodu l-aktar li sar tibdil fih matul is-snin. Dan kien isir bejn is-7.00am u d-9.00am u kien irid jispiċċa qabel ma tibda l-quddiesa kantata solenni.

Oħrajn kienu bdew jagħmlu marċ ieħor wara li tispiċċa l-Quddiesa solenni, oħrajn ma kienu jagħmlu xejn u oħrajn kienu jibdew il-marċ minn nofsinhar jew wara u jibqgħu sejrin sa ma toħroġ l-istatwa.

F’postijiet oħra kien jispiċċa ftit ħin qabel, biex min ikun irid jilbes ta’ fratell, reffiegħ jew jieħu ħsieb il-purċissjoni, jkun jista’ jagħmel dan ukoll.

Illum il-ġurnata, fejn isir dan il-marċ ta’ filgħodu, kuntrarju għal dak li semmejna aktar qabel, l-ilbies huwa totalment differenti. Normalment jikkonsisti f’T shirt bl-arma u l-kulur ta’ min il-banda li ġeneralment, minn sena għal oħra, l-Għaqda/Soċjeta’ toħroġ disinn ġdid. Dawn jintlibsu mill-partitarji flimkien ma’ shorts u sandli jew xi xedd għas-saqajn biex jiffranka li jekk jinkiser xi flixkun ma jaqtax saqajh kif ukoll brieret ta’ kulur u disinn differenti.

Hawn ma nistax ma nsemmix l-inizjattiva li jieħdu l-Kummissjonijiet taż-Żgħażagħ li tarahom għal jiem sħaħ qabel il-festa, kuljum b’T Shirts differenti kemm fil-kulur kif ukoll fl-isponsors, xi ħaġa sabiħa u ta’ min ifaħħarha. L-aħħar iżda mhux l-inqas huwa l-ilbies tal-bandisti. Dan jinkludi T Shirts, beritta u xi drabi anke shorts, li ta’ kull sena wkoll ikunu differenti kemm fid-disinn, kulur, diskors ta’ fuqhom u l-arma.

Ma’ dan illum il-ġurnata nsemmu l-mijiet ta’ bandieri, umbrelel, bżieżaq ikkuluriti u disinni differenti ta’ ħwejjeġ li flimkien joħolqu massa ta’ kuluri. L-aħħar novita’ hija bla dubju ż-żebgħa mall-wiċċ, l-għonq, l-idejn u s-saqajn li tara kemm fuq xebbiet kif ukoll fuq ġuvintur, dejjem miżbugħa skond il-kulur tas-Soċjeta’. Hawnhekk wieħed tajjeb li jgħid li sa ftit snin ilu, in-nisa ma kienux ikunu parti mill-briju, iżda kienu aktar ikantaw xi taqbil mal-mużika tal-marċi u ma kienux ikunu merfugħa fuq l-idejn flimkien mal-ġuvintur u l-irġiel.

Li huwa żgur hu dak li bdew l-antenati tagħna bil-mezzi limitati li kellhom, żgur li llum żdied minn kull lat speċjalment f’dik li hija mużika, livell ta’ surmastrijiet u bandisti, li ħafna minnhom illum anke għandhom lawrji fil-qasam mużikali. Meta għandek ħajja daqshekk mgħaġġla kif ukoll livell ta’ edukazzjoni daqshekk għoli, tassew tara d-dedikazzjoni kif ukoll is-sagrifiċċji taż-żgħażagħ ta’ llum. Illum tara ħafna żgħażagħ li għandhom gradi bħal periti, inġiniera, għalliema kif ukoll diversi gradi oħra ta’ management u li huma attivi fl-Għaqdiet tal-Mużika. Ma ninsewx li għal ħafna żmien, min kien ikollu livell ta’ edukazzjoni għolja mhux talli ma kienx idoqq mal-banda, talli kien jiddeffes ma’l-Għaqdiet jew soċjetajiet biex jiżgura post fil-Parlament.

Xi ħaġa li ninnota hija li mhux kull lokal għandu dak in-numru kbir ta’ voluntiera li lesti għal kull xogħol li jkollu bżonn il-Każin, sew jekk inhu xogħol ta’ żebgħa, dawl, kif ukoll dik il-preżenza fil-każin għal dak kollu li jista’ jinqala’. Dan ifisser li trid tqabbad lil xi ħadd u tħallsu. Hawnhekk qed nirreferi għal xogħol li jrid isir meta l-festa tkun għadha ftit ‘il bogħod u mhux għal xogħol ieħor bħal ma hu l-logħob tan-nar.

Meta nsemmu n-nar, wieħed jistqarr li sar progress kbir għax hemm uħud li tgħallmu l-kemistrija u allura jafu dak li qegħdin iħalltu. Tant tgħallmu li n-nar sar veru spettaklu kbir kemm dak ta’ l-art kif ukoll dak ta’ l-ajru. Milli nara jien, illum żdiedu ħafna kemm in-nies li jaħdmuh kif ukoll dawk li japprezzawh, kemm turisti kif ukoll Maltin, kemm irġiel, kif ukoll nisa u tfal.

Biss aktar ma jiżdiedu dawk li japprezzaw dan ix-xogħol, aktar qed jiġi injorat il-fatt li f’ċertu postijiet l-ewwel li nbnew kienu l-fabbriki tan-nar. Diżgrazzjatament, min huwa inkarigat mill-iżvilupp qed iħalli l-bini jinbena qrib ta’ dawn il-fabbriki tant li maż-żmien se jonqsu ħafna l-postijiet li minnhom jista’ jsir il-ħruq ta’ murtali, dan meta n-nar huwa delizzju li jagħmlilna unur.

Xhieda ta’ dawn huwa l-ammont ta’ nies li jiġu minn diversi pajjiżi sabiex jassistu għal dawn l-esebizzjonijiet tan-nar kemm biex jitpaxxew kif ukoll biex jordnaw nar għall-festa tagħhom.

Saħansitra jkunu jafu lin-nies li jaħdmu n-nar bil-kunjom jew bil-laqam tagħhom. Meta kont nifforma parti minn kumitat partikolari, kienu ġew nies saħansitra minn Monaco. Pero’ fejn qabel konna nġibu l-barranin, illum aħna kapaċi mmorru barra minn xtutna u anke nirbħu. Prosit!

Min għandu ċertu eta’ żgur li jaf bit-tibdil li sar fil-Liturġija u dan ukoll kellu l-effett tiegħu fuq il-festi ta’ l-imgħoddi u ta’ llum. Fost l-aktar affarijiet li kulħadd jinnota huwa l-ilsien Malti li jintuża waqt il-quddies minflok il-Latin li kien jintuża qabel. Żdied ukoll is-sehem tal-poplu fil-quddies u fil-parroċċa u nibtu Kunsilli Parrokkjali.

Saru wkoll alterazzjonijiet fil-knejjes tagħna bħal l-altar “Mejda”, l-ambone li min ikun qiegħed jiċċelebra jkun wiċċu lejn in-nies, il-fonti ta’ l-ilma mbierek, il- magħmudija fuq il-Presbiterju u bosta affarijiet oħra.

Żgur ħadd qatt ma kien jobsor li n-nisa sejrin imexxu l-korijiet, jagħmlu parti mill-animazzjoni tal-quddies, iservu ta’ ministri Ewkaristiċi (iqarbnu) kemm fil-knisja kif ukoll fid-djar u jagħmluha ta’ abbatini meta jkunu għadhom żgħar. Fil-pubbliku, min-naħa l-oħra, insibuhom bħala bandisti, fil-Kummissjonijiet tan-Nisa fil-Każini, bħala delegati tal-banda, fil-Kumitat u anke bħala Presidenti ta’ l-Għaqda jew Soċjeta’. Żgur li meta nħolqu l-baned ħadd ma basar dan.

Fl-aħħarnett ma nistax ma nsemmix il-progress li sar anke fil-publikazzjoni ta’ dawn il-kotba tal-festa. Qabel kienu jikkonsistu f’messaġġi mill-President, Segretarju, Kaxxier, Direttur Ġenerali, tagħrif dwar ix-xogħol li jkun sar matul is-sena, poeżiji, eċċ. Illum, għal dawn l-aħħar numru sewwa ta’ snin, il-programm tal-festa sar imfittex minn ħafna u jkun ikkumplimentat minn ħafna affarijiet storiċi li jiġu trattati fih.

Nixtieq nawgura lill-Kumitat, lis-Surmast, Bandisti, lill-kummissjonijiet kollha, lill-Għaqda tan-Nar u lil kulħadd il-festa t-tajba.

********************************************

Email this to someoneTweet about this on TwitterShare on Google+0Share on Facebook228