It-Twaqqif ta’ Ħaż-Żebbuġ

Il-Bidu ta’ Ħaż-Żebbuġ

Il-familja Abela, li kienet tiggverna lil Malta u lil Aggira fis-sena 1392, kienu tal-ewwel li għamlu relazzjoni tajba bejn dawn iż-żewġt ibliet. Jista’ jkun li kienu huma li bdew idaħħlu d-devozzjoni lejn San Filep. Sqalli ieħor kien Filippu l-Kataniż li kien ġej minn familja nobbli u magħrufa ta’ Katanja. Dan kien ġie Malta minħabba x-xogħol tiegħu, u spiċċa żżewweġ għand familja Maltija nobbli, li jidher li kienet toqgħod lejn fejn huwa maghruf bħala “Ta’ Mamo”. Hemmhekk, huwa kellhu knisja żgħira.

Jgħidu li Filippu l-Kataniż kien jippreferi jmur jisma’ l-quddies Ħal-Qormi, iżda jidher li kien hemm xi diżgwid bejnu u xi nies minn Ħal Qormi, u għalhekk ħass li kienet tkun xi ħaġa għaqlija ħafna li kieku kellha tinbena knisja kbira f’nofs dan ir-raħal. Huwa tenna li hu lest jikkontribwixxi l-art biex issir din il-knisja, però trid tkun iddedikata lil San Filippu t’Aggira. Jidher li kellhu ġnien kbir u offrieh biex tinbena l-knisja fl-1380. Jidher li l-knisja li bena Filippu dak iż-żmien kienet iżgħar minn dik li hemm illum. Filippu kien offra wkoll dar biex isservi bħala residenza għall-vigarju li kien jieħu ħsieb il-knisja, flimkien mar-renti ta’ xi għelieqi, li l-iskop tagħhom kien li jitħallas is-saċerdot.

Ħaż-Żebbuġ kien it-tmien belt li sar paroċċa. L-awtoritajiet tal-Knisja damu jaħsbuha jekk dan ir-raħal jagħmluhx parroċċa, minħabba li kien viċin l-Imdina, u ma kellux limiti kbar bħal ma kellhom parroċċi oħra ta’ Ħal-Qormi, in-Naxxar jew iż-Żejtun. Is-sur Mamo, sinjur joqgħod Ħaż-Żebbuġ, offra dar ukoll, fejn sal-lum għadha dar tal-knisja, fejn joqgħod l-Arċipriet. Din reġgħet inbniet fis-sena 1636, mill-kappillan Vassallo, u Dun Cachia reġa’ mmodernizza xi partijiet mid-dar.

L-Isem ta Ħaż-Żebbuġ

L-isem Ħaż-Żebbuġ ġej mill-bosta siġar taż-żebbuġ li kien hawn fl-antik ġo dan ir-raħal. Jidher li Filippu l-Kataniż li tkellimna fuqu, kellu bosta ġonna bis-siġar taż-żebbug, u dan kien jinfluwenza bil-kbir meta n-nies kienu jirreferu għal dawn l-inħawi.

Huwa magħmul minn tlett irħula; dak ta’ Ħal Mula, Ħal Muxi u Ħal Dwin. L-iktar wieħed li għandu żmien, huwa dan ta’ l-aħħar, fejn jinsab imniżżel fl-arkivji, meta f’pajjiżna kien hawn il-viżta ta’ Mons. Duzina fl-1575. Huwa maħsub li maż-żmien l-isem inqaleb, però dan l-isem x’aktarx li ġie, peress li kien hemm xi mqaddes tar-reliġjon ‘Din’, allura Ħal Dwin kien l-isem li ħareġ minnu.

Insemmu wkoll Ħal Muxi, li ismu ġej minn Mogħxa; jiġifieri raba’ li ma jinħadimx u ma jidhirx li għandu x’jaqsam mal-familja Muxi, li kienet familja nobbli tgħix hemmhekk. Hemmhekk inbniet kappella fl-1775. F’Ħal Mula, illum hemm ħafna flats u djar, però għamel żmien vojt, sakemm imbagħad reġgħu bdew jinbnew. Ismu huwa x’aktarx ġej minn kelma Feniċja.

F’dan ir-raħal instabu wkoll oqbra arkeoloġiċi u fdalijiet ta’ żmien il-qedem.

Email this to someoneTweet about this on TwitterShare on Google+0Share on Facebook228