L-Innijiet ta’ San Ġużepp tal-Banda De Rohan

Kitba ta’ Nazju Abela Ex-President tas-Soċjeta`

Bħal kull banda li ilha mwaqqfa ħafna snin, il-Banda De Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ, għall-festi ta’ San Ġużepp, ħarġet aktar minn Innu Marċ wieħed matul l-istorja rikka tagħha.  B’kollox għandha ħamsa; li huma kompożizzjonijiet ta’ Mro. Ġeraldu Farrugia (tlieta: tnejn ad unur ta’ San Ġużepp u l-ieħor f’għeluq il-mitt sena mit-twaqqif tal-banda fl-1960), ieħor ta’ Mro. Lawrence Borg u l-aħħar wieħed tas-Surmast preżenti, Mro. Ronnie Debattista.

1.    L-Innu lil San Ġużepp (Ave Joseph) (magħruf bħala Letter A li jibda bil-kliem: “Is-Sliem għalik O Kbir Ġużeppi” ta’ Mro. Farrugia u li ġeneralment il-Banda De Rohan tibda kull servizz bih.

2.    L-Innu tal-Banda De Rohan (Letter B) Ta’ Mro. Ġeraldu Farrugia li r-ritornell tiegħu jibda bil-kliem “Is-Sliem ja Omm Ħanina” u li x’aktarx jindaqq bħala l-aħħar marċ li jagħlaq is-servizz.

3.    L-Innu ta’ De Rohan (Lill-Indrì Borġ Missier il-Banda De Rohan) (Letter C) ukoll ta’ Mro. Ġeraldu Farrugia magħruf ukoll bħala “Tal-Ewwel Banda” u li jibda bil-kliem famużi “Ejjew ħalli tisimgħu lill-Omm tal-Baned Maltin.”  Il-kliem ta’ dan l-Innu huwa tas-Surmast Ġeraldu Farrugia.

4.    L-Innu Ġrajja Kbira ta’ Mro. Lawrence Borg li jibda bil-kliem “Ġrajja Kbira l-Festa tagħna, Ġużeppini Żebbuġin.”  Il-kliem ta’ dan l-Innu huwa ta’ Nazju Abela ex-President u ex-Segretarju ta’ l-istess Soċjeta`.

5.    L-Innu lil San Ġużepp magħruf bħala “Ta’ DUN KARM”: l-aħħar marċ li ntiseġ fil-kullana ta’ innijiet mill-Banda De Rohan f’ġieħ il-Qaddis Ġużeppi.  Dan huwa ġmiel ta’ innu li l-Poeta Nazzjonali Dun Karm kiteb waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u li Mro. Ronnie Debattista, il-bravu surmast attwali għamillu l-mużika fl-1995 fl-okkażjoni tal-100 sena mill-miġja ta’ l-istatwa ta’ San Ġużepp fil-parroċċa tagħna.  Dan l-innu qed jiġi esegwit mill-kantanti fil-knisja fl-aħħar tal-quddiesa tal-Paniġierku dakinhar tal-festa.

Email this to someoneTweet about this on TwitterShare on Google+0Share on Facebook228