L-Ewwel Banda fl-1860

Kitba ta’ Alfred Delmar

Meta niktbu li l-Ewwel Banda Nazzjonali twaqqfet fl-1860 f’Ħaż-Żebbuġ mit-tant imsemmi Mastru Indri Borg, inkunu qed nikkwotaw u nirreferu għal nies storiċi li għexu f’dak iż-żmien u kitbu dak li raw b’għajnejhom.

Meta wieħed jidħol fil-fond ta’ din il-kwistjoni, isib kemm kienu jissemmew baned ferm qabel l-1860. Hekk per eżempju f’Bormla, fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tissemma li ħadet sehem banda fl-1805, 1806, 1807, u 1808 u anke f’diversi snin oħra ferm qabel l-1851. L-istess jista’ jingħad fil-Mellieħa, fil-festa tal-Vitorja fl-1815 tissemma li ħadet sehem banda mir-Rabat tal-Imdina. Bejn l-1827 u l-1829 banda f’Għawdex kellha lis-surmast tagħha minn Notabile. Kien hemm ħafna oħrajn ukoll li impossibbli li ssemmihom kollha. Pero mhux ta’ min ma jikkwotax lil Dun Salv Caruana, qassis Żebbuġi li għadu mimli bl-għomor, fil-programm stampat fl-1997 fl-okkażjoni tat-tberik tal-planċier tal-Banda 12 ta’ Mejju. Dun Salv Caruana kiteb hekk: “Ġieli ħadet sehem ukoll banda navali fl-1840, barra minn baned oħra dik tal-Imdina fl-1810, tal-Belt Valletta fl-1810, ta’ Bormla fl-1826 u oħrajn”. Kien qed jitkellem dwar il-festa ta’ San Filep.

Mela hawn tiġi l-mistoqsija, x’kellha differenti l-banda tal-1851 minn dawn il-baned li semmejna u li tista’ twassal għall-konklużjoni li l-ewwel banda twaqqfet fl-1851?

Jekk niġu għall-argument, xi ħadd minn dawn li diġa` semmejna aktar ‘il fuq jista’ jgħid li kien l-ewwel banda f’Malta, pero meta P.P. Castagna kiteb li l-Ewwel Banda Nazzjonali twaqqfet fl-1860 f’Ħaż-Żebbuġ, ried juri li kien hemm xi ħaġa differenti minn dawn il-baned li semmejna. Id-differenza kienet li dawn kienu jkunu komposti minn grupp ta’ strumentalisti ta’ bejn 15 u 18-il ruħ, filwaqt li dik li rrefera għaliha Castagna kienet aktar formali b’numru akbar ta’ bandisti u strumenti.

Se nkomplu nsaħħu dan l-artiklu tagħna fuq dokumenti ta’ nies storiċi li għexu u kitbu f’dik l-epoka li qed nitkellmu dwarha. Qiegħed nirreferi għal Dun Salv Ciappara li fl-1882 kiteb Storia del Zebbug e sua Parrochia, għal Pietru Pawl Castagna bil-ktieb tiegħu L-Istorja ta’ Malta bil-Gżejjer tagħha. Din l-istorja ġiet ippubblikata tliet darbiet fi snin differenti: fl-1865, fl-1888 u l-aħħar darba fl-1890. Ktieb ieħor importanti ppubblikat fl-1889 huwa Biografia Artistica del Maestro Filippo Galea.

L-Orkestra Omm il-Baned

Kif diġa` ilu jinkiteb ħafna, il-baned raw il-bidu tagħhom fl-1777, fi żmien il-Gran Mastru De Rohan. Pietru Pawl Castagna jgħarrafna li f’Malta kellna xi baned u l-Granmastru De Rohan kien ordnalhom biex jieħdu sehem fil-festi tal-knejjes tagħhom biex isiru bl-akbar pompa u b’hekk il-poplu jkollu biex jallegra ruħu f’dawk iż-żminijiet. Dawn il-baned ma kinux bħall-baned kif nafuhom aħna imma aktar baned ballabbli ta’ wara l-bibien. Baned iffurmati minn ftit bandisti li kienu jdoqqu f’xi okkażjonijiet ta’ ferħ.

F’dan iż-żmien u anke qabel, f’xi rħula diġa` kienu jeżistu l-orkestri, magħrufa bħala l-orkestra tal-knisja komposti minn numru żgħir ta’ mużiċisti. Din l-orkestra kienet idoqq fil-funzjonijiet ta’ ġewwa l-knisja u kien hemm żmien ukoll meta kienu jieħdu sehem fil-festi esterni. Nistgħu ngħidu li l-orkestra hija omm il-banda u għalhekk il-banda nħolqot bi strumenti speċjali għaliha ta’ qawwa wisq akbar minn dawk ta’ orkestra. Fil-bidu tas-seklu XIX wieħed jista’ jinnota li diġa` konna niltaqgħu mal-kelma banda f’diversi rħula madwar Malta, li kienu tip ta’ baned li diġa` tkellimna dwarhom aktar ‘il quddiem.

Storia del Zebbug e sua Parrocchia

Din l-istorja nkitbet mill-qassis Żebbuġi Dun Salv Ciappara li twieled fl-1833 u miet fl-1904. Kien prokuratur tal-Knisja Arċipretali u deputat tal-istatwa ta’ San Filep. L-akbar opra tiegħu huwa l-ktieb Storia del Zebbug e la sua Parrocchia. Dan il-ktieb illum huwa ta’ importanza kbira għal ħafna studjużi tal-istorja u ħafna jagħmlu referenza għalih kull meta jiktbu dwar l-istorja ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Dun Salv kiteb ukoll dwar l-ewwel baned f’Ħaż-Żebbuġ f’paġna 94, affarijiet li rahom jitwieldu taħt għajnejh. Tant kien preċiż fil-kitba tiegħu li jgħid li Ħaż-Żebbuġ fl-1860 twaqqfu żewġ skejjel tal-mużika, l-ewwel ta’ Indri Borg u wara ta’ Anġlu Galea, mingħajr ebda isem partikulari lejn xi waħda minnhom. “It-tnejn iffurmaw baned tajbin. Galea waqqaf ukoll orkestra għall-knejjes li wara ftit snin spiċċat. Illum l-iskulari antiki tal-iskejjel tagħhom saru surmastrijiet jgħallmu l-mużika lill-allievi.” Hekk spiċċat il-kitba ta’ Ciappara dwar il-baned.

Fittixna kemm flaħna biex forsi nsibu miktub f’xi ġurnali jew dokumenti oħra ta’ dak iż-żmien jew f’xi kitba oħra li tgħid li Dun Salv Ciappara kien żbaljat fil-kitba tiegħu dwar il-baned, imma ma sibna xejn u mkien.

Illum wara tant snin, hawn min qed jipprova jinnega dak li kiteb bl-iswed fuq l-abjad Dun Salv Ciappara.

Ma nistax nifhem li kieku veru kienet twaqqfet xi banda oħra qabel l-1860 xi skop kellu Dun Salv li ma semmihiex fil-ktieb informattiv tiegħu.

Għal darba oħra kulħadd irid jifhem li Dun Salv Ciappara kiteb ħafna mit-tagħrif tiegħu minn fatti li ġraw fiż-żmienu u taħt għajnejh.

Storja ta’ Malta tal-Istoriku Pietru Pawl Castagna

Storiku ieħor hu Pietru Pawl Castagna li twieled fl-1827 u miet f’Bormla fit-12 ta’ April 1907 fl-eta ta’ 80 sena. Ta’ min jinnota li qed nagħtu d-data tat-twelid u tal-mewt kemm ta’ Castagna kif ukoll ta’ Ciappara biex aktar insaħħu l-argument tagħna, li qiegħdin nikkwotaw nies storiċi li veru għexu fiż-żmien li qed niktbu dwaru.

Meta Castagna ġie biex jikteb l-istorja ta’ Malta bil-gżejjer tagħha, beda jiltaqa’ ma’ xi diffikultajiet speċjalmant dik tal-lingwa, jekk ix-xogħol tiegħu jistampahx bit-Taljan jew bil-Malti. Iddeċieda li dan ix-xogħol għandu jiġi stampat bil-lingwa tagħna, il-Malti. Infatti l-ewwel darba li ppublika dan ix-xogħol kien fl-1865, fi tliet volumi. Dan ix-xogħol kien imfittex ħafna minn bosta Maltin u fil-fatt reġa’ ġie stampat darbtejn oħra fl-1888 u fl-1890. Din l-istorja kienet tinbiegħ bil-faxxikli u kull faxxiklu kien ikun fih 32 paġna u jiswa sitt soldi.

Fl-ewwel edizzjoni tal-1865 ma kien issemma xejn dwar il-baned, filwaqt li fiż-żewġ edizzjonijiet l-oħra, kemm dik ta’ 1888 u tal-1890 f’Volum III, paġna 248, Castagna jikteb hekk :

“L-Ewwel Banda Nazzjonali saret f’Ħaż-Żebbuġ mit-tant imsemmi l-Vallettan Mastru Indri Borg fl-1860.”

Huwa kompla jenfażizza b’dan il-kliem:

“Dan kien il-bidu ta’ kemm baned saru u li għad isiru.”

Bl-Ewwel Banda Nazzjonali, Castagna ried ifisser banda formali u mhux kif kien isir qabel, jingħaqdu numru żgħir ta’ bandisti u joħorġu jdoqqu għal xi okkażjoni jew inkella l-istess orkestra/banda li kienet idoqq fil-funzjonijiet tal-knisja wara kienet tieħu sehem fil-festi esterni.

Għal dara oħra għarbilna u flejna diversi ġurnali u dokumenti ta’ dik l-epoka li ġiet stampata L-Istorja ta’ Malta bil-Gżejjer Tagħha ta’ P.P. Castagna, jiġifieri bejn l-1888 u l-1891, u ma sibna mkien li xi ħadd jikteb u jgħid li P.P. Castagna kien żbaljat meta kiteb li l-ewwel banda twaqqfet f’Ħaż-Żebbuġ fl-1860.

Interessanti hija nota fil-programm tal-festi ċentinarji tal-Banda King’s Own fl-1974. Is-segretarju f’dak iż-żmien ta’ din is-Soċjeta s-Sur Vincent P. Zahra spjega tant tajjeb il-kitba ta’ Castagna hekk: “Pietru Pawl Castagna hu xhieda ta’ dak kollu li kiteb dwar it-twaqqif tal-baned f’Malta, u ma kienx qiegħed jgħid ħrejjef antiki, imma jirrapporta fatti li ġraw fi żmienu u taħt għajnejh.”

Għalhekk jibqa’ l-fatt li l-banda ta’ Ħaż-Żebbuġ imsemmija minn Castagna, dik imwaqqfa minn Mastru Indri Borg hija l-ixjeħ fost il-baned tal-lum u dan ma jista’ jħassru ħadd.

Bijografija ta’ Filippo Galea

Fl-1889, ġie stampat il-ktieb Biografia Artistica del Maestro Filippo Galea b’nota taħt Compilata sopra Documenti u kompla E Ricordi da un Filarmonico. F’din il-bijografija nsibu d-dettalji kollha dwar is-Surmast Filippo Galea minn meta kellu erbatax–il sena.

Flejna dik il-bijografija bir-reqqa kollha biex forsi nsibu, miktub minnu stess, li kien waqqaf xi banda f’Malta qabel l-1860, speċjalment fl-1851. Fost il-kitba u l-ħafna ittri ta’ tifħir li kien jirċievi mingħand diversi kmandanti u Gvernaturi Ingliżi, tifħir li kien jixraqlu għas-sehem tiegħu fl-organizzazzjoni tal-baned Reġimentali, ma nkiteb imkien minnu stess li kien waqqaf xi banda f’Ħaż-Żebbuġ fl-1851. Ħaġa li kieku saret kien ikollu l-unur li jiftaħar biha.

Dan żgur ma setax is-Surmast Filippo Galea ma semmieha mkien u aktar u aktar żgur li ma setax ikun għax f’dak iż-żmien kien Korfu kif se taraw. Se nikkwotaw mill-bijografija tiegħu eżatt kelma b’kelma maqlub għall-Malti mit-Taljan fejn kien is-Surmast Filippo Galea bejn l-1846 u l-1853.

Fis-sena 1846 Filippo Galea beda l-istudju tal-armonija għand Dun Ġużepp Burlo, bniedem magħruf f’dawk iż-żminijiet. Ftit taż-żmien wara missier Filippo, Anġlu, bħala Direttur tal-Banda tas-16th Regiment, issejjaħ biex imur Korfu. Filippo mar ma’ missieru u hemm kompla l-istudji tiegħu taħt il-famuż Nicolo Manzaro. Filippo tant wera progress li meta missieru ngħata permess biex jiġi Malta għal ftit xhur, daħal floku u ħa t-tmexxija tal-banda sakemm missieru jerġa’ lura minn Malta.

Dak iż-żmien kellha tiġi ċċelebrata l-festa tal-anniversarju tal-Istituzzjoni tas-Senat tal-Gżejjer Jonie. Ingħatat ordni biex il-baned tat-tliet reġimenti Ingliżi li kien hemm f’Korfu jingħaqdu f’banda u jdoqqu flimkien.

It-tmexxija ta’ din il-banda ġiet fdata f’idejn Filippo Galea, missjoni li qeda bl-akbar unur.

Insibu li fl-1849 il-Gvern Ingliż kien ordna li minn Korfu titlaq frejgata għal Ancona fl-Italja biex minn hemm tieħu lejn Korfu għadd kbir ta’ emigranti Taljani u lill-ex-Gvernatur G. Matteoli.

L-istat tal-biki li kienu jinsabu fih dawn it-Taljani wassal biex Filippo Galea tant ħass għalihom li organizza akkademja fit-Teatro Reale ta’ Korfu għall-benefiċċju tagħhom. Filippo Galea, għal dan il-ġest nobbli, ġibed is-simpatija ta’ kulħadd.

Fl-1850 il-Banda tat-36th Regiment Ingliż f’Korfu kienet mingħajr surmast direttur u Filippo Galea ssejjaħ biex ħa taħt idejh id-direzzjoni tagħha. Dam jidderiġieha sas-sena ta’ wara l-1851, meta r-reġiment ikkonċernat intbagħat l-Indja.

Filippo ma marx mar-reġiment imsemmi u baqa’ f’Korfu. Ġara li fl-istess ġranet tat-tluq tat-36th Regiment wasal f’Korfu n-92nd Regiment u Filippo Galea ngħata d-direzzjoni tal-banda tiegħu.

Dan ir-reġiment dam f’Korfu sentejn sa l-1853 biex minn hemm telaq lejn Ġibilta. Filippo ma marx Ġibilta. Mal-Banda tar-Regiment mar missieru, li qabel kien għamel żmien bħala surmast direttur tagħha. Fl-istess sena 1853 Filippo Galea reġa’ lura Malta biex sentejn wara fl-1855 ġie nominat surmast direttur tal-57th Regiment li kien ġej mill-Gwerra tal-Krimea.

Tliet snin wara fl-1858, insibu li Filippo Galea telaq minn Malta ma’ dan ir-reġiment lejn Bombay fl-Indja. Is-Surmast Filippo Galea dam l-Indja tliet snin sakemm fl-1861 mar New Zealand. Dam f’dan il-pajjiż sentejn u f’Lulju tal-1863 reġa’ lura Malta. Din id-darba Filippo Galea dam Malta ħames snin sa l-1868 u reġa’ telaq lejn l-Indja sa l-1872.

Ġie lura Malta peress li fl-Indja f’dik is-sena kienet feġġet il-kolera. Ftit xhur wara l-wasla tiegħu f’Malta, u allura kienet is-sena 1873, Filippo Galea intalab għall-ewwel darba biex jieħu banda Maltija taħt idejh, din kienet il-Banda tal-Isla La Sengle. Fil-bijografija tas-Surmast Filippo Galea nkomplu nsibu miktub li hu kien l-ewwel surmast direttur li deher jidderieġi programm tal-banda Maltija fi Pjazza Tesoreria fil-Belt Valletta mill-bidu tal-ħakma Ingliża f’Malta. Ikompli jsemmi wkoll, is-Surmast Filippo Galea kellu l-kbir unur wara li kien talab lill-gvernatur, li jesegwixxi program ieħor mużikali mill-istess banda fil-Pjazza San Giorgio fejn qatt ma kienet għadha daqqet, minn kemm kien ilhom hawn l-Ingliżi, ebda banda oħra Maltija.

“F’Ottubru tas-sena 1875 il-Furjaniżi tħajru li jwaqqfu wkoll banda mużikali ġdida oħra u taw l-inkarigu u d-direzzjoni f’idejn is-Surmast Filippo Galea.”

“F’Bormla wkoll tħajru li jwaqqfu banda ġdida, u għalhekk malajr approfittaw mill-okkażjoni li s-Surmast Filippo Galea kien miżżewweġ u joqgħod Bormla, talbu li jkun surmast direttur tagħha. Is-Surmast Galea aċċetta bil-ferħa kollha, u f’qasir żmien il-banda twaqqfet u għammduha bl-isem ta’ Isouard.”

Tagħrif ieħor miktub fil-bijografija tas-Surmast Filippo Galea, b’konnessjoni ma’ baned Maltin hu li kien surmast direttur tal-Banda Vincitrice tal-Belt Valletta li fl-1885 bidlet isimha għal King’s Own Band.

Imkien fil-bijografija tiegħu ma nsibu li Filippo Galea waqqaf xi Banda f’Ħaż-Żebbuġ fl-1851, u aktar u aktar ma nsibu mkien miktub li jgħid li meta kien ikun barra minn Malta kien iħalli l-banda f’idejn Mastru Indri Borg.

Ktibna dan biex nuru li s-Surmast Filippo Galea kiteb kull tagħrif ta’ konnessjoni li kellu ma’ baned Maltin, u minn dan kollu naraw li dawk li qed jgħidu li Filippo Galea waqqaf xi banda f’Ħaż-Żebbuġ fl-1851 huma żbaljati, bħalma kienu żbaljati meta kienu jiktbu li l-Banda San Filep akkumpanjat il-funeral tas-Surmast Filippo Galea (Programm Festa San Filep – 1996 – pġ. 63) u din is-sena stqarrew li kienu żbaljati (Programm Banda San Filep – 2001 – Is-Surmast Filippo Galea pġ. 40).

Każ tipiku ieħor dwar l-ewwel baned kien fl-1959, minn korrispondenza/polemika twila li kienet dehret fil-ġurnal Il-Berqa. Din il-polemika kienet dwar min kienet l-ewwel banda li twaqqfet fl-1860, il-Banda De Rohan jew il-Banda San Filep. Din ukoll tidher li sfumat fix-xejn, għax il-Banda De Rohan baqgħet iżżomm l-annu tal-1860 ta’ meta twaqqfet l-ewwel banda f’Malta: il-Banda De Rohan.

Fl-1895 is-Surmast Filippo Galea kien intalab mill-Banda De Rohan biex ikun il-president tagħha. Hu aċċetta dan l-unur u baqa’ sakemm miet fl-10 ta’ Ġunju 1901. Fil-funeral tiegħu kien akkumpanjat b’daqq ta’ marċi funebri mill-Banda De Rohan.

Il-Kumitat tas-Soċjeta Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ilu għal dawn l-aħħar tmien snin jikteb lill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ u aktar qabel lill-Kumitat Ismijiet tat-Toroq biex f’Ħaż-Żebbuġ jissemmew toroq għal Mro. Filippo Galea u missieru Anġlu Galea. S’issa din it-talba għadha ma ntlaqgħetx.

Konklużjoni

Luret Vella, storiku ieħor Żebbuġi fil-ktieb tiegħu Storja ta’ Ħaż-Żebbuġ f’paġna 84, wkoll isemmi li l-ewwel baned f’Ħaż-Żebbuġ twaqqfu fl-1860.

Fil-Kappella ta’ Santu Rokku, li llum qed tintuża bħala mużew tal-istorja ta’ Ħaż-Żebbuġ hemm kwadru b’ritratt ta’ Mastru Indri Borg bil-kliem taħtu “waqqaf l-ewwel banda f’Ħaż-Żebbuġ.”

Nieħdu strofa mill-poeżija Tislima lil Ħaż-Żebbuġ miktuba minn Monsinjur Lawrenz Cachia

“U hawn twieldet l-ewwel banda

Kulħadd jafha b’ta’ Indri

Għax bil-briju tad-daqq tagħha

Tgħidx kemm ferrħet qlub Maltin.”

Castagna, Dun Salv Ciappara, Luret Vella u l-oħrajn kollha kitbu l-istess: li l-ewwel banda twaqqfet fl-1860, filwaqt li l-akbar prova hija l-bijografija tas-Surmast Filippo Galea li tagħtina stampa ċara fejn kien fl-1851 u barra hekk id-dettalji kollha konnessi mal-ħajja mużikali tiegħu. Dan kollu juri li l-Ewwel Banda Nazzjonali u formali twaqqfet f’Ħaż-Żebbuġ fl-1860.

Li forsi qed iddejjaq lil xi ħadd, hija li l-banda li twaqqfet fl-1860 minn Mastru Indri Borg li hi meqjusa bħala l-ewwel banda f’Malta, hija marbuta ma’ festa sekondarja, il-festa ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbuġ. Dan jidher mill-fatt li fl-1960, il-Banda De Rohan, fakkret l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha, u għall-istorja ta’ min wieħed jgħid li dan kien l-ewwel ċentinarju ta’ twaqqif ta’ banda li qatt kien ġie ċċelebrat minn xi soċjeta mużikali. Iċ-ċentinarji huma l-akbar anniversarji u jiġu ċċelebrati b’festi kbar.

L-istorja tibqa’ dejjem storja, jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqha, avolja llum hawn min qed jipprova jinnega dak li raw b’għajnejhom u kitbu bl-iswed fuq l-abjad diversi kittieba storiċi.

Kitba ta’ Alfred Delmar

Illum aktar minn qatt qabel, minn dak li qrajt fil-ktieb Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep, jien konvint li l-ewwel banda f’Malta twaqqfet f’Ħaż-Żebbuġ fl-1860 minn Mastru Indri Borg, u bi dritt kollu ngħidu li dan kien il-bidu ta’ kemm baned saru u li għad isiru.

Minn dak li nkiteb fl-artiklu bl-istess titlu li deher fir-rivista annwali – Festa San Ġużepp – 2001, fejn ġibt minn tal-inqas erba’ provi li kollha jgħidu li l-ewwel Banda Nazzjonali twaqqfet fl-1860, sal-ġurnata tal-lum l-ebda waħda minn dawn ma ġew innegati. Anzi l-awturi ta’ dan il-ktieb qagħdu jagħmlu ħafna logħob bil-kliem biex jippruvaw jaslu għal dak li jaqbel lilhom. Fil-qosor se nerġa’ nikteb u magħhom inżid punti oħrajn.

Bijografija ta’ Filippo Galea

Fl-1889, ġie stampat il-ktieb Biografia Artistica del Maestro Filippo Galea b’nota taħt it-titlu Compilata sopra Documenti u kompla “e Ricordi da un Filarmonico”. F’din il-bijografija nsibu d-dettalji kollha dwar is-Surmast Filippo Galea minn meta kellu erbatax–il sena.

F’din il-bijografija hemm stampat minjiera ta’ tagħrif dwar dan is-surmast. Fl-ebda parti ma nsibu miktub li kien waqqaf xi banda f’Malta qabel l-1860, speċjalment fl-1851 f’Ħaż-Żebbuġ. Fost il-kitba u l-ħafna ittri ta’ tifħir li kien jirċievi mingħand diversi kmandanti u Gvernaturi Ingliżi, tifħir li kien jixraqlu għas-sehem tiegħu fl-organizzazzjoni tal-baned Reġimentali, ma nkiteb imkien minnu stess li kien waqqaf xi banda f’Ħaż-Żebbuġ fl-1851. Ħaġa li kieku saret żgur li kien ikollu l-unur li jiftaħar biha.

Min-naħa l-oħra fl-istess bijografija nsibu li fl-1873, Filippo Galea intalab għall-ewwel darba biex jieħu banda Maltija taħt idejh, din kienet il-banda tal-Isla Le Sengle. Aktar tard f’Ottubru tal-1875, il-Furjaniżi tħajru li jwaqqfu wkoll banda mużikali ġdida oħra u taw l-inkarigu u d-direzzjoni f’idejn is-Surmast Filippo Galea. F’Bormla wkoll tħajru li jwaqqfu banda ġdida u approfittaw mill-okkażjoni li s-Surmast Filippo Galea kien miżżewweġ u joqgħod Bormla. Is-Surmast Galea aċċetta u f’qasir żmien il-banda twaqqfet u semmewha Isouard.

Tagħrif ieħor mill-istess bijografija dwar is-Surmast Filippo Galea b’konnessjoni ma’ baned Maltin hu li kien Surmast Direttur tal-Banda Vincitrice, illum Kings Own tal-Belt. Fl-ebda parti fil-bijografija tas-Surmast Filippo Galea ma nsibu li waqqaf xi banda f’Ħaż-Żebbuġ fl-1851. Ma nafx li kieku kien il-każ x’żammu milli jikteb dan it-tagħrif importanti.

Storia del Zebbug e Sua Parrochia

Din l-istorja inkitbet mill-qassis Żebbuġi Dun Salv Ciappara li twieled fl-1833 u miet fl-1904. Kien prokuratur tal-Knisja Arċipretali u deputat tal-istatwa ta’ San Filep. L-akbar opra tiegħu huwa l-ktieb Storia del Zebbug e sua Parrocchia. Dan il-ktieb illum huwa ta’ importanza kbira għall-ħafna studjużi tal-istorja u ħafna jagħmlu referenza għalih kull meta jiktbu dwar l-istorja ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Dun Salv Ciappara, fil-ktieb tiegħu wkoll kiteb dwar l-ewwel baned f’Ħaż-Żebbuġ f’paġna 94, affarijiet li rahom jitwieldu taħt għajnejh. Dan is-saċerdot tant kien preċiż fil-kitba tiegħu li jgħid f’Ħaż-Żebbuġ fl-1860 twaqqfu żewġ skejjel tal-mużika, l-ewwel ta’ Indri Borg u wara ta’ Anġlu Galea.

Ma nistax nifhem li kieku veru kienet twaqqfet xi banda fl-1851, xi skop kellu Dun Salv Ciappara li ma jsemmihiex fil-ktieb informattiv tiegħu.

Storja ta’ Malta ta’ Pietru Pawl Castagna

Storiku ieħor hu Pietru Pawl Castagna, dan twieled fl-1827 u miet f’Bormla fit-12 ta’ April tal-1907, fl-eta ta’ 80 sena. Ta’ min jinnota li qed nagħtu d-data tat-twelid u tal-mewt kemm ta’ Castagna kif ukoll ta’ Ciappara biex aktar insaħħu l-argument tagħna, li qegħdin nikkwotaw nies storiċi li veru għexu fi żmien li qed niktbu dwaru.

Pietru Pawl Castagna kiteb hekk: “L-Ewwel Banda Nazzjonali saret f’Ħaż-Żebbuġ mit-tant imsemmi l-Vallettan Mastru Indri Borg fl-1860.” Huwa kompla jenfasizza b’dan il-kliem “Dak kien il-bidu ta’ kemm baned saru u li għad isiru.”

Castagna hu xhieda ta’ dak kollu li kiteb dwar it-twaqqif tal-baned f’Malta, u ma kienx qiegħed jgħid ħrejjef antiki, imma jirrapporta fatti li ġraw fi żmienu u taħt għajnejh.

Storja ta’ Ħaż-Żebbuġ ta’ Luret Vella

Luret Vella, storiku ieħor Żebbuġi, fil-ktieb tiegħu Storja ta’ Ħaż-Żebbuġ, f’paġna 84 jikteb hekk “L-imħabba lejn l-arti tal-mużika kompliet dehret meta fis-sena 1860 twaqqfet il-banda tar-raħal.” Dak iż-żmien il-baned kienu aktar magħrufin bl-isem ta’ raħalhom, u żgur li Luret Vella kien qiegħed jirreferi għas-Societa Filarmonica del Zebbug.

Kompla jikteb li ma riedx jidħol fil-kontroversja ta’ kif żviluppaw ruħhom iż-żewġ baned. Pero l-aktar importanti kien l-ewwel banda f’Ħaż-Żebbuġ twaqqfet fl-1860.

F’dawn l-aħħar snin hawn min qed jittanta jgħawweġ il-fatti u jinnega dak li kitbu bl-iswed fuq l-abjad l-istoriċi, Pietru Pawl Castagna, Luret Vella u Dun Salv Ciappara kif ukoll il-bijografija ta’ Filippo Galea. Jinkiteb x’jinkiteb jibqa’ l-fatt li l-ewwel Banda Nazzjonali twaqqfet f’Ħaż-Żebbuġ minn Mastru Indri Borg fl-1860.

Guida Generale di Malta e Gozo

Din kienet forma ta’ ktieb li fih jiġbor id-dettalji kollha dwar diversi organizzazzjonijiet u dak kollu ta’ interess dwar il-ħajja politika u soċjali f’Malta. Bdiet tiġi stampata l-ewwel darba fl-1881. Il-ġurnal Il-Ħabbar tat-23 ta’ Awissu, 1883 jiddeskrivi dan il-ktieb hekk “Ktieb li jinħataf kull sena, lanqas biss ikun għadu ħareġ, tant kemm hu meħtieġ għal idejn kull xorta ta’ nies, billi fih l-informazzjoni kollha meħtieġa.”

F’din il-Guida Generale nsibu mill-1881 sa l-1893, għal tlettax–il sena sħaħ dejjem deher l-isem ta’ Soċjeta Filarmonika waħda f’Ħaż-Żebbuġ Societa Filarmonica del Zebbug. Ma nistgħux nifhmu kif għal tant snin l-ebda isem ta’ Soċjeta Filarmonika oħra ma kienet tidher f’dan il-ktieb.

Ma naslu għall-ebda konklużjoni, pero wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni l-pika kbira li kienet teżisti bejn is-Soċjetajiet Filarmoniċi speċjalment fi rħula fejn kien ikun hemm aktar minn Soċjeta Filarmonika waħda.

Ta’ interess u importanza kbira f’din il-kwistjoni tal-ewwel banda, propju toħroġ mill-Guida Generale mis-sena 1893 ‘il quddiem. Minn dik is-sena dehret għall-ewwel darba Soċjeta Filarmonika oħra f’Ħaż-Żebbuġ bl-isem ta’ Societa Filarmonica San Filippo Indipendente

Is-Societa Filarmonica del Zebbug kif kienet magħrufa minn dik is-sena, bdiet tidher. “Societa Filarmonica Rohan” b’nota taħt l-isem “ A questa scuola e unito il-Casino San Filippo sotto la direzione di un comitato.”

Minn hawn jidher li s-Societa Filarmonica Rohan baqgħet marbuta mal-festa ta’ San Filep, filwaqt li l-oħra Societa Filarmonica San Filippo Indipendente kienet xi Soċjeta ġdida, ġiet iffurmata jew ħarġet minn xi Soċjeta oħra, u biex tiddistingwi ruħha wara isimha bidet iġġib il-kelma Indipendente.

Il-Palk tal-Banda magħruf bħala “L-Iskorfina”

Ta’ min jgħid li l-Banda Rohan ma kellhiex x’taqsam ma’ każini tal-baned. Tant hu hekk li din il-banda kellha l-post tagħha fejn l-allievi kienu jiġu mħarrġa. Mit-twaqqif tagħha l-Banda Rohan kienet tiġi mistiedna biex tieħu sehem fil-festi ta’ Ħaż-Żebbuġ speċjalment f’dik tal-Patrun tar-raħal San Filep.

Ma setax jonqos li sa mill-bidu kien jintuża xi għamla ta’ xi palk għall-banda. Fl-1891 l-ammiraturi tal-banda ftehmu li jagħmlu palk ġdid biex fuqu ddoqq il-Banda Rohan fil-festa ta’ San Filep.

Dan il-palk kien forma ta’ ottagnu, ghalħekk kien magħruf bħala l-palk skorfina, kellu l-panewijiet b’kolonni bejniethom u qsari bi brazzi għad-dawl. Dan il-palk kien ġie mżanżan fil-festa ta’ San Filep tal-1893. Inħadem mill-imgħallem mastrudaxxa Filippu Vella u d-disinn tiegħu sar mill-Perit Paolo Cassar Torreggiani.

Ta’ min wieħed jgħid li l-Perit Paolo Cassar Torreggiani kien il-President tas-Soċjeta Filarmonika Rohan bejn l-1901 u l-1904. Aktar tard saret statwa tal-Gran Mastru De Rohan xogħol fil-kartapesta u nħadmet minn Vincenzo Cremona mill-Belt. L-istatwa tal-Gran Mastru De Rohan kienet tintrama fuq wara tal-palk.

Kif kien mistenni l-ewwel banda li daqqet fuq dan il-palk il-ġdid kienet l-aktar banda anzjana ta’ Ħaż-Żebbuġ il-Banda Rohan u kien għalhekk li fuq wara tiegħu tpoġġiet l-istatwa tal-Gran Mastru De Rohan minħabba li l-banda kienet imsemmija għalih u kien hu li ta t-titlu ta’ belt lil Ħaż-Żebbuġ ‘Citta Rohan’.

Dak iż-żmien kienet tirrenja pika kbira bejn iż-żewġ Soċjetajiet Filarmoniċi ta’ Ħaż-Żebbuġ. F’kelma waħda mur ara kemm kien possibbli li l-banda opposta ddoqq fuq dan il-palk bl-istatwa ta’ De Rohan tiddomina fuqu.

Fl-1904, il-kwistjoni dwar il-Mużika Sagra f’Ħaż-Żebbuġ bejn in-Nanisti u l-Bugejani kienet fl-aqwa tagħha. Id-diriġenti tal-Banda Rohan ma qablux mad-deċiżjoni tal-Knisja li jiġi l-Maestro Bugeja, għalhekk irriffjutaw li jibqgħu jieħdu sehem fil-festa ta’ San Filep.

Wara qamet il-kwistjoni tal-użu tal-palk. Id-diriġenti tas-Societa Filarmonica Rohan ippretendew li l-palk tieħdu l-Banda Rohan, għax il-palk sar għaliha minn flus l-ammiraturi tagħha. Saret kawża fil-Qorti dwar l-użu tal-palk.

Il-Qorti ddeċidiet li l-palk veru sar għal Banda Rohan biex idoqq fuqu fil-festa ta’ San Filep. Iżda issa peress li l-Banda Rohan irrifjutat li tibqa tieħu sehem fil-festa titulari ta’ San Filep ma setgħetx tkompli ddoqq fuqu għalhekk tilfet id-dritt tiegħu u jgħaddi f’idejn l-awtoritajiet ekklesjastiċi.

Il-Banda Rohan fil-Festa ta’ San Filep

Ħafna mill-ġurnali f’nofs tas-seklu 19 dejjem taw spazju lill-attivitajiet li fihom kienu jieħdu sehem diversi baned fil-festi. Ma’ dawn l-attivitajiet niltaqgħu ħafna fejn tissemma l-Banda Rohan u s-sehem tagħha fil-festi. Illum nillimitaw biss għas-sehem tal-Banda Rohan fil-festa ta’ San Filep.

Il-programmi mużikali ta’ lejlet il-festa, f’dak iż-żmien aktar mil-lum kellhom ċertu importanza għas-soċjetajiet mużikali.

Il-Banda Rohan kienet tesegwixxi l-programm mużikali tagħha lejlet il-festa ta’ San Filep, filwaqt li l-banda l-oħra tar-raħal Banda San Filippo d’Agira kienet f’xi snin tesegwixxi l-programm mużikali tagħha nhar l-aħħar tridu.

Jekk veru l-Banda San Filippo d’Agira kellha xi preċedenza fuq il-Banda Rohan kif id-diriġenti tagħha kienu jippermettu li l-banda opposta tal-istess raħal, il-Banda Rohan, tesegwixxi l-programm mużikali tagħha dejjem lejlet il-festa ta’ San Filep?

Din hija prova oħra li l-aktar banda anzjana ta’ Ħaż-Żebbuġ dejjem baqgħet iżżomm mad-dritta li tesegwixxi l-programm tagħha lejlet il-festa tal-Patrun ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Konklużjoni

Inkiteb il-ktieb Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep A.D. 1851 li bih ikkonfermaw dak li ilna żmien twil niktbu. Il-banda li qed jirreferu għaliha li twaqqfet fl-1851 ma kellha xejn differenti mill-ħafna baned l-oħra li diġa kienu jeżistu ferm qabel l-1851.

Komplew jikkonfermaw (ara Ġ.K.B.S.F. pg. 81) meta kitbu hekk: “Indri Borg waqqaf banda li kienet tesegwixxi b’mod aktar regolari u b’aktar professjonalita. Wara kollox dawn il-bandisti f’Ħaż-Żebbuġ kienu mħarrġin tajjeb. Din kienet l-ewwel Banda Nazzjonali u kienet il-bidu ta’ kemm baned saru u għad isiru. B’dawn it-titoli Pietru Pawl Castagna ried jagħmel enfasi li din il-banda kienet differenti minn ta’ qabilha.”

Xejn ġdid, dan aħna ilna niktbuh żmien twil li l-ewwel Banda Nazzjonali twaqqfet f’Ħaż-Żebbuġ fl-1860 minn Mastru Indri Borg (ara l-programm tal-festa ta’ San Ġużepp mill-1985 sa l-2001). Id-diffikulta li baqa’ issa hija: Min kienet din il-banda?

Nieħdu pjaċir li f’din il-parti wkoll ġew jaqblu magħna, bħal ma ġralhom f’żewġ każi preċedenti oħra, l-ewwel dik tal-banda li akkumpanjat fil-funeral tas-Surmast Filippu Galea (ara Programm Banda San Filep – Festa 2001, pg. 40), u l-każ l-ieħor meta kitbu li sa l-1896 f’Ħaż-Żebbuġ kien hawn banda waħda (ara Programm Festa San Filep – 1998 u r-rivista annwali – Festa San Gużepp – 1998).

L-awturi tal-ktieb Ġrajja tal-Każin Banda San Filep waslu għal diversi konklużjonijiet u kkwotaw skont kif kien jaqbel lilhom. Każ tipiku hu meta kkwotaw mill-ktieb ta’ Mariella Attard Ħaż-Żebbuġ u l-Festa ta’ San Filep ippubblikat fl-1985, Appendiċi 17, intervista ma’ Filippu Azzopardi, waqfu f’nofs sentenza u dan il-kliem ma kitbuhx.

“Imbagħad qabad il-partit. Xi erba’ qabdu jsaħħnu n-nies u beda l-partit ta’ San Ġużepp. Il-partit inqasam fi tnejn. Ta’ San Filep żbaljaw għax ħarġu mill-każin u għamlu każin ieħor. Din is-sentenza ta’ min wieħed jistudjaha sew.

Hemm ħafna wieħed x’jgħid dwar ħafna ineżattezzi li jinsabu f’dan il-ktieb. Żgur li fis-snin li ġejjin se nippubblikaw numru kbir ta’ artikli biex inwieġbu għal ħafna tagħwiġ ta’ fatti li ġew ippubblikati f’dan il-ktieb.

Illum, aktar minn qatt qabel ma nistagħġibx b’dak li kitbu dawn it-tliet awturi fil-ktieb. Jekk forsi l-polemika bejn is-Soċjeta Każin San Ġużepp – Banda De Rohan mal-Każin Banda San Filep hija dwar fatti li ġraw madwar mija u ħamsin sena ilu, fejn ħafna drabi, wieħed ikollu jirrikorri għal dokumenti u gazzetti biex isib it-tagħrif meħtieġ. Ma nafx għalfejn anke dwar fatti li ġraw f’każ minnhom madwar 40 sena ilu u każ ieħor aktar riċenti madwar 10 snin ilu, inkitbu numru ta’ ineżatezzi.

L-ewwel każ kien dwar Soċjeta oħra Mużikali oħra Żebbuġija 12th May Band & Social Club. Il-kumitat ta’ din is-Soċjeta min-naħa tiegħu ppubblika ktejjeb bl-isem Il-Verita biex jirribatti l-ineżatezzi li nkitbu dwarhom fil-ktieb Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep.

It-tieni każ l-aktar wieħed riċenti kien jinvolvi lill-Kumpanija Talent Żebbuġi.

Il-kumitat ta’ din il-kumpanija Teatrali ħarġu stqarrija fejn stqarrew li l-artiklu numru 2.4 bl-isem Iċ-Ċenaklu li jinsab fil-ktieb Ġ.K.B.S.F. paġna 205, fih diversi ineżatezzi rigward l-ewwel wirja ta’ Ċenaklu f’Ħaż-Żebbuġ.

Mela issa mhux is-Soċjeta Każin San Ġużepp u Banda De Rohan biss qed tgħid dwar l-ineżatezzi li fih dan il-ktieb. Hemm żewġ Għaqdiet oħra kbar u attivi f’Ħaż-Żebbuġ li kitbu dwar l-ineżatezzi li fih dan il-ktieb.

Li forsi ma taqbilx ma’ l-istorja ta’ 150 sena ilu huwa aċċettat, pero li tipprova ddawwar fatti tal-istorja li ġrat fi żmienna u li ħafna mill-poplu Żebbuġi jiftakru sew għax hu xhieda ħajja ta’ dak li għadda minnu ma nafx dan xi ssejjaħlu. Inħallu lill-qarrejja jiġġudikaw.

L-istorja tibqa’ dejjem storja, jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien minn fuqha, avolja llum minn kif rajna hawn min qed jipprova jinnega dak li raw b’għajnejhom u kitbu bl-iswed fuq l-abjad diversi kittieba storiċi li għexu ż-żmien li kitbu dwaru, li l-ewwel banda f’Malta twaqqfet f’Ħaż-Żebbuġ fl-1860.

Lil Mro. Indri Borg

Ejjew ħalli tisimgħu

Lill-Omm tal-Baned Maltin,

De Rohan hi l-ewwel banda,

Tal-gżejjer Maltin u Għawdxin.

De Rohan ilha mwaqqfa,

Mill-elf tmien mija w sittin,

Mill-fundatur kbir tagħha,

Is-Surmast tagħha Borg Indri.

Email this to someoneTweet about this on TwitterShare on Google+0Share on Facebook228