Il-Bidu tal-Kummissjoni Żgħażagħ Ġużeppini Żebbuġin fl-1991

Kitba ta’ Andrè J. Galea B.Ed(Hons.), P.G.D.E.A.M.

L-ewwel Segretarju tal-Kummissjoni Żgħażagħ (1991-1996)


 

Il-Kummissjoni Żgħażagħ Ġużeppini Żebbuġin taf il-bidu tagħha lill-mibki fundatur tagħha, Ġorġ Saliba. Fis-sena 1991, Ġorġ kien ħeġġeġ grupp ta’ żgħażagħ sabiex jiffurmaw kummissjoni li tkun tista’ tgħin fit-tkabbir tal-festa ta’ San Ġużepp. Dawn iż-żgħażagħ kienu ħamsa, fosthom: Andrè Galea, Joe Zammit, Frankie Borg, Charlie Camilleri u Manuel Azzopardi. L-ewwel laqgħa kient saret fis-sala ta’ fuq tal-każin f’Ġunju tal-1991 u fiha Ġorġ Saliba kien tkellem dwar l-għanijiet ewlenin li l-Kummissjoni ġdida kien ser ikollha u kif kien se jkun il-mod li bih se tkun qed tagħti sehma bil-ħidma tagħha. Waqt din il-laqgħa wkoll, ingħataw il-karigi lil kull membru, li kienu hekk:

VOJT
Ġorġ Saliba
Fundatur
VOJT VOJT VOJT VOJT VOJT
Andrè Galea
Segretarju
Charlie Camilleri
Assistent Segretarju
Frankie Borg
Kaxxier
Manuel Azzopardi
Assistent Kaxxier
Joe Zammit
Membru

 

Il-kariga ta’ President ma nagħtat lil ħadd għax Ġorġ xtaq li jkun preżenti hu għall-ewwel ħames laqgħat sabiex jagħti l-għajnuna kollha li kien hemm bżonn imbagħad x’ħin ikun il-mument iħalli r-responsabbilta’ kollha f’idejn dawn il-membri.

Peress li l-Kummissjoni Żgħażagħ kienet għadha fil-bidu tagħha u fondi finanzjarji ma kienx hemm, waqt il-laqgħat kien tfassal pjan ta’ ħidma sabiex ikunu jistgħu jinġabru xi fondi ħalli l-Kummissjoni tkun tista’ topera. Fil-pjan ta’ ħidma, waħda mill-proposti kienet li l-Kummissjoni Żgħażagħ tieħu f’idejha il-billiard tal-każin, u hekk sar. Waqt waħda mill-ewwel laqgħat ġie deċiż ukoll li l-Kummissjoni tiddobba xi biljetti tal-prima mingħand il-Kummissjoni Nisa u kull ġimgħa kienet ittella’ xi rigal mal-prima. Peress li dan kien xahar biss qabel il-festa, kien hemm ftehim mal-Kumitat Amministrattiv li l-Kummissjoni Żgħażagħ tkun inkarigata mill-armar tal-liedna tat-triq tal-purċissjoni. Tista’ tgħid li bil-ftit fondi li kien hemm kien inxtara wkoll bukkett fjuri għal quddiem l-istatwa ta’ San Ġużepp.

Il-Festa ġiet u marret u wara l-festa tal-1991 reġgħet iltaqgħet bħala kumissjoni iżda din id-darba mingħajr Ġorġ Saliba li kien ħalla t-tmexxija kompletament f’idejn il-membri tal-istess kummissjoni. Tfasslet lista ta’ attivitajiet li kienu se jkunu orgaizzati matul dik is-sena. L-ewwel attivita’ kellha tkun Bar-B-Que nhar is-Sibt 31 t’Awwissu ġewwa Għar il-Fekruna. Kien Bar-B-Que kbir ħafna fejn għalih kienu attendew kważi 500 ruħ – bla esaġerazzjoni ta’ xejn. U l-fondi bdew deħlin ftit ftit. Il-Kummissjoni Żgħażagħ baqgħet torganizza il-Prima u tat is-sehem tagħha bħala kummissjoni fil-festa tal-Vitorja li kienet tkun organizzata mill-każin fit-8 ta’ Settembru kif ukoll mad-Daqq tal-Glorja li kienet festa organizzata Lejliet l-Għid il-Kbir. Kienet tagħti sehma wkoll fil-festival Ilħna ta’ Ferħ billi kienet tgħin fl-armar u l-iddisinjar tal-palk. F’Diċembru imbagħad, kien organizzat Rock Party fis-sala t’isfel tal-każin bil-parteċipazzjoni ta’ diversi Rock Bands live. Jiena kont inkarigat li nifforma sotto-kummissjoni sabiex tieħu ħsieb il-briju tal-marċ ta’ filgħodu. Hawnhekk ta’ min wieħed isemmi lill-mibkija Alex Delmar u Carlos Chetcuti li tgħidx kemm kienu għinu sabiex saru diversi kpiepel, bnadar, umbrelel u bżieżaq għal mal-marċ. Ħasra li ftit wara, fl-1995 ,ħallew din id-dinja u marru għall-ħajja ta’ dejjem meta tilfu ħajjithom f’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina f’Ħal Qormi. Persuni oħra li għinu lill-Kummissjoni Żgħażagħ huma Julian Agius, Paul Aquilina u Gordon Barbara li kont dejjem issibhom f’kull bżonn.

Hekk kif bdiet is-sena 1992 kien inħatar l-ewwel president tal-Kummissjoni Żgħażagħ, Pio Saliba. Fl-1992 il-Kummissjoni Żgħażagħ taħt it-tmexxija ta’ Pio Saliba kienet stabbilxxiet ruħha sew fid-diversi oqsma tas-soċjetà u kienet niżlet tajjeb mal-membri tal-każin. Tant li kienu javviċinawha diversi membri oħra sabiex joffrulha l-għajnuna u s-servizz tagħhom. Sfortunatament il-Festa tal-1992 ma saritx minħabba li kien tilef ħajtu Joseph Borg (il-Lożi) f’inċident fil-kamra tan-nar tas-soċjetà tagħna. Dakinhar tal-funeral jiena, bħala segretarju tal-Kummissjoni Żgħażagħ, kont ġarrejt il-bukkett tal-fjuri tal-istess kummissjoni tul il-corteo kollu saċ-ċimiterju.

Fis-sena 1993, peress li Pio Saliba kien inħatar bħala president tal-każin, kien Gordon Ghirxi li laħaq bħala president tal-Kummissjoni Żgħażagħ. Dik is-sena stess kienu ingħaqdu fil-Kummissjoni Żgħażagħ numru sabiħ ta’ membri ġodda. Dawn kienu: Gordon Ghirxi, Austin Zammit, Thomas Camenzuli, Julian Agius, Silvio Tanti, Patrick Bajada u ħija Renzo Galea. Peress li l-programm tal-festa ma kienx ippubblikat fl-1992, l-ewwel messaġġ mill-Kummissjoni Żgħazagħ kien ippubblikat fil-programm tal-1993. Inkiteb mill-president ta’ dak iż-żmien Gordon Ghirxi u kien jgħid hekk:

“Il-fatt li dan huwa l-ewwel messaġġ tagħna ma jfissirx li l-Kummissjoni twaqqfet matul is-sena li għaddiet.”

Dan minħabba li l-Kummissjoni żgħażagħ kienet ilha diġa’ sentejn (sa mill-1991) topera fi ħdan is-soċjetà tagħna. Is-sena 1993 kienet l-ewwel sena li fiha l-kummissjoni żgħażagħ tat għajnuna finanzjarja sabiex isir xi restawr fuq kandlieri u statwetti li jintramaw fil-knisja, għax tajjeb wieħed ikun jaf li wieħed mill-għanijiet ewlenin li kellha l-kummissjoni żgħażagħ kien li tgħin b’mod finanzjarju sabiex jitgawda wirt missirijietna. Fl-1993 saru ukoll l-ewwel settijiet ta’ T-Shirts għal mal-marċ, tal-Kummissjoni Żgħażagħ.

Ta’ min isemmi wkoll li fis-sena 1993, il-kummissjoni ħadmet il-liedna tal-plastik li biha żżejnu uħud mit-toroq tal-purċissjoni. Fl-istess sena il-Banda De Rohan rebħet il-Konkors Bandistiku Nazzjonali li kien sar fit-Teatru Manoel. Għal dan l-avveniment il-kummissjoni żgħażagħ kienet organizzat xarabank sabiex jingħata l-appoġġ mistħoqq lill-banda tagħna.

Gordon Ghirxi tista’ tgħid kompla fuq il-passi ta’ Pio Saliba u fis-sena 1994 peress li kien hemm numru ta’ żgħażagħ mhux ħażin, setgħa jinqasam iktar ix-xogħol u jiżdiedu n-numru ta’ attivitajiet. Il-Kummissjoni Żgħażagħ kienet organizzat żewġ Bar-B-Ques, wieħed Għar il-Fekruna u ieħor il-Bajja tal-Mellieħa, u għalihom kien hemm attendenza kbira u sabiħa ħafna minn bosta membri tal-każin, ħbieb u familjari. Tkompliet tiżdied il-liedna u dik is-sena apparti li żżejjenet it-triq tal-purċissjoni, iżżejjnu wkoll xi toroq oħra tal-madwar. Waqt l-armar għall-festa kien ikun hemm żewġ gruppi ta’ żgħażagħ, min jarma triq u min jarma oħra. Dik is-sena wkoll il-Kummissjoni Żgħażagħ irrestawrat xi kandlieri oħra u kienet ikkontribwixxiet biex saru xi fjuri tal-ganutell li jintramaw mal-kwadri tal-Via Sagra tal-Knisja Arċipretali fil-festa ta’ San Ġużepp. Kienet organizzat ukoll League tal-Futbol ġewwa l-ground taż-Żebbuġ Rangers fejn ipparteċipaw numru sabiħ ta’ 8 timijiet. Fil-qasam sportiv il-Kummissjoni Żgħażagħ organizzat ukoll league tal-Billiards u tat-Table Tennis fis-sala t’isfel tal-każin. Fuq idea ta’ Pawlu Aqulina kien reġa’ sar Rock Party fejn għall-ewwel darba daqqet rock band Żebbuġija fil-każin.

Dan kien tista’ tgħid il-bidu tal-Kummissjoni Żgħażagħ Ġużeppini Żebbuġin li taf il-bidu tagħha lill-fundatur tagħha Ġorġ Saliba. Għaddew 25 sena u mill-1991 ‘l hawn il-Kummissjoni Żgħażagħ qatt ma ħarset lura jew qatgħet qalba mill-isfidi li nibtu quddiemha. L-uċuħ inbidlu imma l-qalb u l-ħeġġa minn dejjem baqgħu hemm u minn sena għall-oħra il-Kummissjoni Żgħażagħ dejjem ħadmet b’kuraġġ u determinzzjoni sabiex tkompli tkabbar il-festa tal-Patrun tagħna San Ġużepp. Nirringrazzja minn qalbi lil dawk in-nies li tul is-snin għinu u ħadmu flimkien mal-Kummissjoni Żgħażagħ Ġużeppini u dawk li m’għadhomx magħna nitolbu għalihom, nimxu fuq l-eżempju tagħhom u ngħożżuhom għal dejjem f’qalbna. Nitolbu lil San Ġużepp iżomm idejh fuq iż-żgħażagħ kollha sabiex iżommhom l-bogħod mill-vizzji koroh tas-soċjetà u jgħinhom biex flimkien jieħdu deciżjonijiet tajbin sabiex ikomplu jaħdmu b’għaqal u b’ħeġġa għall-ġid tas-soċjetà tagħna. Nagħlaq dan l-artiklu billi nikkwota silta mill-poeżija li kien kiteb il-mibki fundatur tal-Kummissjoni Żgħażagħ Ġorġ Saliba f’Marzu tal-1991:

 

U j’alla, ja Ġużeppi, missier tagħna,
aħna l-bnedmin niddakkru minn tjubitek,
mill-umilta’ f’ħidmietek u f’għemilek,
u nagħrfu ngħożżu s-skiet, qofol sbuħitek!!

 

Email this to someoneTweet about this on TwitterShare on Google+0Share on Facebook228