Kummissjoni Festi Nterni

Il-jum tad-19 ta’ Marzu tas-sena 2014 ser jibqa’ mfakkar fl-istorja tas-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan mhux biss għax dakinhar ġiet iċċelebrata kif inhu xieraq din il-festa liturġika tal-Patrijarka Ġużeppi, iżda wkoll għax fl-istess jum, permezz ta’ Kummissjoni ġdida li twaqqfet statutorjament fl-istess soċjetà reġgħet tat il-ħajja lill-Fratellanza ta’ San Ġużepp fil-parroċċa tagħna.

Din il-Kummissjoni ġdida bl-isem ta’ Kummissjoni Festa Nterna twaqqfet f’April 2013 bħala riżultat ta’ aġġornament tal-iStatut tas-Soċjetà fejn ġew introdotti Kummissjonijiet ġodda barra dawk li kienu diġa mwaqqfa, jiġifieri: tan-Nisa, tal-Banda u taż-Żgħażagħ. L-għanijiet ta’ din il-Kummissjoni huma li:

  1. Tara li ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi tal-Festa ta’ San Ġużepp fil-Knisja Parrokkjali matul il-ġimgħa tal-festa fl-aħħar Ħadd ta’ Lulju ikunu jirriflettu l-qima li l-imseħbin għandhom ikollhom lejn dan il-qaddis u dan jagħmluh bl-attendenza u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tridijiet, f’jum il-festa u l-purċissjoni;
  2. Parteċipazzjoni tal-fratelli u sorelli ġodda fl-attivitajiet reliġjużi fil-knisja speċjalment fil-purċissjonijiet li jsiru fil-Parroċċa matul is-sena;
  3. Konsultazzjoni mal-Arċipriet dwar it-tħejjija għall-festa ta’ San Ġużepp fil-knisja;
  4. Quddiesa annwali fil-Knisja Parrokkjali fil-festa liturġika ta’ San Ġużepp tad-19 ta’ Marzu biċ-ċerimonja ta’ mseħbin ġodda fil-Fratellanza u t-tiġdid tal-membri diġà msieħba;
  5. Ġbir ta’ materjal ta’ natura reliġjuza (artikli) dwar San Ġużepp u l-kult tiegħu għall-Ktieb Annwali li jippublika l-Każin San Ġużepp f’Lulju;
  6. Jorganizza l-quddiesa annwali għall-membri mseħbin u bandisti mejtin fix-xahar ta’ Novembru.

Surmast tal-Banda 50cm x 35cm

L-Attività tad-19 ta’ Marzu

Għaldaqstant l-ewwel attività li saret minn din il-Kummissjoni kienet dik tad-19 ta’ Marzu 2014. Bdiet b’quddiesa fil-Knisja Parrokkjali mill-W.R.Arċipriet li għamel kelmtejn dwar il-qdusija u l-kobor tal-missjoni ta’ San Ġużepp. Matul il-quddiesa qraw il-lezzjonijiet, it-talb tal-fidili u tellgħu l-offerti imsieħba tal-Każin San Ġużepp.

Wara l-quddiesa, l-imseħbin ġodda, ‘il fuq minn 60 ruħ, flimkien ma’ dawk li ilhom imsieħba fil-Fratellanza resqu lejn l-artal ta’ San Ġużepp li kien armat għall-festa. Hemmhekk f’diskors qasir ġew spjegati l-għanijiet tal-Kummissjoni u l-attivitajiet reliġjużi li se jiġu organizzati. Imbagħad Dr. Stephen Zammit beda jsejjaħ l-ismijiet tal-fratelli u sorelli ġodda biex jieħdu minn idejn l-Arċipriet iċ-ċertifikat tas-sħubija tagħhom. Fl-aħħar nett l-Arċipriet għamel kelmtejn qosra tal-okkażjoni fejn ħeġġeġ biex din is-sħubija tissarraf f’devozzjoni akbar lejn il-qaddis u li nippruvaw dejjem nimitaw il-kwalitajiet sbieħ li kellu. Iċ-ċerimonja spiċċat bit-talba lil San Ġużepp. Għall-okkażjoni, in-niċċa bl-istatwa ta’ San Ġużepp kienet imżejna b’ħafna bukketti ta’ fjuri mill-Kumitat u sezzjonijiet oħra fi ħdan is-Soċjetà Ġużeppina.

Min jixtieq jissieħeb mal-Fratellanza ta’ San Ġużepp jista’ jagħmel dan billi jikkuntattjana

Email this to someoneTweet about this on TwitterShare on Google+0Share on Facebook74